Gonzi jerġa’ jiċħad id-dikjarazzjoni ta’ Bartolo dwar l-iskandlu taż-żejt

L-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi reġa’ tenna, għat-tieni darba f’inqas minn 24 siegħa, li d-dikjarazzjoni tal-Ministru Evarist Bartolo fil-Parlament ilbieraħ hi falza.
Saħaq li mhux veru li hu għadda, jew xi ħadd fuq struzzjonijiet tiegħu għadda, xi dokumenti kif semma’ Bartolo, lis-Servizzi ta’ Sigurtà tal-pajjiż.
F’dikjarazzjoni lbieraħ fil-Parlament, il-Ministru Evarist Bartolo akkuża lil Lawrence Gonzi li kellu f’idejh dokumenti b’rabta mal-iskandlu taż-żejt u li bagħat lil xi ħadd mill-uffiċjali tiegħu tas-sigurtà għand il-Kap tas-Servizz tas-Sigurtà.
Qal li lil dan ingħatawlu struzzjonijiet biex jeqred il-file. (Ara l-ħin 19:56)
Fi stqarrija tal-Gvern ippubblikata llum, Bartolo ppreċiża li dokumenti b’tagħrif dwar korruzzjoni ntbagħtu lil Lawrence Gonzi li wassalhomlu membru fis-Servizz tas-Sigurtà.
Iżda qal li l-eks Prim Ministru ma riedx imisshom b’idejh u qallu biex jeħodhom għall-investigazzjoni.
Ippreċiża wkoll li l-kuntatt mas-Servizz tas-Sigurtà sar minn Segretarjat ta’ Ministru, għalkemm irrepeta li nqerdu xi dokumenti.
Evarist Bartolo staqsa jekk Lawrence Gonzi jaf x’ġara wara li d-dokumenti ntbagħtu għall-investigazzjoni u jekk jafx li parti minnhom inqerdu.
Staqsa wkoll jekk kien jaf, x’għamel dwar dan u jekk ma jafx, kif jista’ jiċħad il-fatti.