Gonzi f’laqgħa twila u ‘pjuttost pożittiva’ ma’ Delia

L-Eks Prim Ministru u Kap tal-Partit  Nazzjonalista Dr Lawrence Gonzi kellu laqgħa deskritta mis-sorsi tagħna bħala twila u pjuttost pożittiva ma’ Dr Adrian Delia il-kap preżenti tal-Partit Nazzjonalista. Is-sorsi tagħna kienu kawti ħafna waqt li qalu li kien hemm sentiment ta’ tama fil-possibiltà ta’ żblokk.

Is-sorsi tagħna qalulna li hemm xewqa kbira miż-żewġ naħat li jintlaħaq ftehim u hemm  ‘understanding’ li issa n-naħat kollha jnaqqsu d-diskors fil-pubbliku, biex laqgħat li mistennija jsiru bejn rappreżentanti taż-żewġ naħat ikollhom aktar ċans li jirnexxu.

Tul il-laqgħa ġiet diskussa l-kriżi preżenti fil-PN wara li Delia talab lil Dr Simon Busuttil biex fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-Inkjesta Egrant jerfa’ r-responsabbiltà politika  u jissospendi ruħu mill-grupp parlamentari, ħaġa li Busuttil irrifjuta li jagħmel.

Is-sorsi tagħna qalulna li l-intervista li għamel il-Kap tal-Partit Nazzjonalista mal-gazzetta The Malta Independent ġiet deskritta bħala sorpriża li tikkuntrasta mal-laqgħa. Iżda komplew li ma setgħux jikkonfermaw jekk l-intervista kinetx irrikordjata qabel jew wara l-laqgħa ta’ Delia ma’ Gonzi. Huma semmew id-differenza fir-rappurtaġġ tal-intervista li kien hemm dalgħodu fil-gazzetti The Malta Independent u In-Nazzjon. Waqt li l-Independent fil-faċċata tat prominenza lill-kliem iebes li qal Delia, In-Nazzjon kienet ħafna aktar konċiljattiva.

The Malta Independent kitbet b’ittri kuluriti fuq l-iswed li Adrian Delia jikkundanna l-imġiba redikola tal-membri parlamentari li ma jaqblux miegħu. Ilbieraħ il-gazzetta użat il-kelma ‘bemoan’ flok ‘condemn’ kif użat illum. Għal kuntrarju n-Nazzjon ma għamlet l-ebda riferenza għal dan il-kliem. Aktar minn hekk In-Nazzjon irrappurtat lil Delia jgħid li huwa miftuħ għad-diskussjoni ma’ dawn l-istess membri parlamentari. Huwa qal ukoll li hu mhux ordni ta’ lil Busuttil iżda għamillu intervista.

Fl-aħħar jiem kemm id-deputat parlamentari Ewropew Dr Francis Zammit Dimech kif ukoll Dr Chris Said, li kien ikkontesta l-elezzjoni għal Kap tal-PN, offrew li jgħinu biex issir medjazzjoni.