Filmat: Delia sfiduċjat: 19 kontrih, 11 favurih

Read in English.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia tilef vot ta’ fiduċja b’19 kontra 11. Dan f’vot sigriet waqt laqgħa tal-Grupp Parlamentari li bdiet għall-ħabta tat-7.40pm u baqgħet għaddejja sa wara nofsillejl.

LIVE: Tispiċċa l-laqgħa tal-Grupp Parlamentari tal-PN

Posted by Newsbook.com.mt on Tuesday, July 7, 2020

F’konferenza tal-aħbarijiet fis-sigħat bikrin tal-Erbgħa filgħodu, Dr Adrian Delia nsista li se jkompli l-leġiżlatura bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kap tal-Oppożizzjoni, hekk kif ġie magħżul mit-tesserati li eleġġewh.

Qabel il-laqgħa tal-Grupp Parlamentari

Filwaqt li l-mistoqsija fuq fomm il-ġurnalisti mal-wasla tal-MPs kienet dik ta’ jekk hux se jkunu qed juru fiduċja fil-Kap tal-Partit Nazzjonalista u jekk hux se jkunu qed jitolbu biex jittieħed vot ta’ sfiduċja fil-Kap tal-partit, il-Membri Parlamentari bdew jirrifjutaw li jwieġbu u f’silenzju baqgħu deħlin fid-Dar Ċentrali li tinsab mgħassa wkoll mill-Pulizija.

Newsbook.com.mt lemaħ jidħlu fiċ-ċert lil Mario DeMarco, Hermann Schiavone, Robert Cutajar, Stephen Spiteri, Mario Galea, Carm Mifsud Bonnici, Toni Bezzina, Therese Comodini Cachia u Ivan Bartolo. De Marco ntlaqa’ minn grupp ta’ persuni li bdew jgħajtu kunjomu mal-wasla tiegħu. Malli waslu l-MPs Robert Cutajar u Stephen Spiteri separatament, dawk preżenti barra d-Dar Ċentrali nfexxew iċapċpu.

Il-preżenza tal-pulizija quddiem id-Dar Ċentrali f’Tal-Pietà kull ma jmur bdiet tiżdied.

Monique Agius

Aktar kmieni: Gonzi fid-Dar Ċentrali; jiċħad li ntalab minn Delia biex illejla jkun medjatur

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia talab lill-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi biex ikun medjatur fil-laqgħa tal-lejla tal-Grupp Parlamentari. Jidher ukoll li hemm laqgħa għaddejja bejniethom fid-Dar Ċentrali. Madanakollu ftit wara din ġiet miċħuda minn Dr Gonzi nnifsu mal-ġurnal ILLUM, u qal li hu ma ntalabx ikun medjatur u lanqas biex jattendi għal-laqgħa tal-lejla.

Illejla mistennija laqgħa oħra tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista wara l-aħħar żviluppi li jikkompromettu l-pożizzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia. Sorsi mill-Partit Nazzjonalista qalu li l-laqgħa tal-lum mistennija tkun waħda uffiċjali minħabba li dik tal-Ħadd ma setgħetx tkun uffiċjali għax ma ssejħitx mill-Kap Nazzjonalista. Skont rapporti jidher li hemm ukoll ċans li llejla jintalab vot ta’ sfiduċja f’Delia.

Il-Ħadd, għadd ta’ deputati Nazzjonalisti dehru deħlin fid-Dar Ċentrali f’Tal-Pietà fejn kellhom laqgħa li damet għaddejja għal aktar minn erba’ sigħat. Il-laqgħa kienet bdiet fis-6pm u Newsbook.com.mt huwa infurmat li għaliha pparteċipaw mal-20 deputat bil-Kap Nazzjonalista u membri oħra mit-tmexxija tal-PN daħlu tard għal-laqgħa.

Minkejja li għadd ta’ ġurnalisti nġabbru quddiem id-Dar Ċentrali mis-6pm, ħadd mid-deputati ma’ ta l-kummenti tiegħu wara l-laqgħa. Fl-10.30pm, ħaddiema tal-PN fetħu l-bieb ċentrali iżda l-ebda deputat u lanqas Adrian Delia ma deher ħiereġ mid-Dar Ċentrali.

Il-Ħadd, il-gazzetta The Sunday Times of Malta żvelat chats ta’ Whatsapp li kien hemm bejn Adrian Delia u Yorgen Fenech, l-allegat mandant fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Delia ċaħad li kellu komunikazzjoni “ta’ rilevanza” ma’ Yorgen Fenech. Fiċ-chats żvelati Delia jgħid lil Fenech li kellu jkun Pierre Portelli li jorganizza ikla bejniethom. F’reazzjoni għal din l-aħbar, Adrian Delia qal li jirċievi eluf ta’ messaġġi u ma jfissirx li jkun jaf il-persuni jew ikun ħabib ma’ min jibgħathom.

Rappurtaġġ addizzjonali Monique Agius, Sephora Francalanza u Charmaine Attard