Ġonna u ambjent isbaħ għal 6 lokalitajiet

Bħala parti mill-proġett ‘Tħaddir tal-Komunitajiet’, sitt lokalitajiet se jibbenefikaw minn fondi sabiex ikunu jistgħu jwettqu xogħol ta’ tisbiħ relatat ma’ tħawwil u manutenzjoni ta’ siġar u ġonna.
Dawn is-sitt kunsilli lokali se jingħataw bejniethom kważi €200,000, wara ftehim li sar bejn is-Segretarju Permanenti u s-sindki tal-kunsilli lokali rispettivi.
Il-Ministru tal-Ambjent Josè Herrera qal f’konferenza tal-aħbarijiet li fiċ-ċentru ta’ dal-proġett hemm il-kwalita tal-ħajja kemm tar-residenti kif ukoll tan-nies li jżuru dawn il-lokalitajiet.
Miegħu tkellem is-Segretarju Parlamentari għall-Kunsilli Lokali, Stefan Buontempo, li din l-iskema kienet bdiet bħala proġett pilota fl-2015, u wara s-suċċess tagħha ġie deċiż li ssir skema permanenti.
Il-lokalitajiet huma  l-Belt Valletta, il-Ħamrun, in-Naxxar, il-Marsa, Ħaż-Żebbuġ u l-Għarb Għawdex.
Ritratti: DOI – Pierre Sammut