Ġojjellier akkużat li xtara b’€350,000 ġojjelli misruqa

Ġojjellier ta’ 53 sena mill-Belt Valletta tressaq il-Qorti akkużat li xtara ġojjelli misruqa li jġibu madwar €350,000.

Il-ġojjellier wieġeb mhux ħati li xtara oġġetti misruqa mill-ħanut Piazza Antiques. Fil-Qorti sid dan il-ħanut qal li l-oġġetti li nsterqulu jammontaw għal aktar minn €500,000.

Wieħed mitt-tliet persuni li serqu l-oġġetti qal li l-ħallelin qasmu l-oġġetti kollha bejniethom. Wara, il-ħalliel u ibnu biegħu l-oġġetti lill-ġojjellier akkużat, u ħadu ħlas ta’ €20,000.

Il-ħalliel qal li l-ġojjellier kien jaf li l-oġġetti kienu misruqa, tant li kien jitfi s-sistemma ta’ CCTV qabel isir ix-xiri.

Il-każ huwa diferit għat-3 ta’ April.