Gods App biex tgħin fil-Vokazzjonijiet

Il-Knisja Kattolika fl-Ingilterra u Wales nidiet App li tgħin lil min jagħmel użu minnha isaħħaħ il-fidi u jiskopri l-vokazzjoni li għaliha hu msejjaħ.
Din l-applikazzjoni elettronika bl-isem ta’ “Alla Jsejjaħ” kienet kummissjonata mill-Uffiċċju Nazzjonali għall-Vokazzjonijiet li hu parti mill-Konferenza Epsikopali, biex isservi bħala għodda spiritwali.  L-applikazzjoni tinkludi talb għal kuljum u meditazzjoni dwar l-Evanġelju u l-ħajja tal-qaddisin kif ukoll taqsima tal-aħbarijiet u Twitter biex min jużaħa jkun jista’ jara x’qed jiġri fil-Knisja.
Tinkludu wkoll speċi ta’ reġistru biex l-utenti jkunu jistgħu jimmonitorjaw l-iżvilupp spiritwali tagħhom u jifhmu aħjar kif Kristu jista’ jkun qed isejħilhom.  L-Uffiċċju tal-Vokazzjonijiet qal li jekk jużawha tajjeb, il-Kattoliċi jkunu jistgħu jaraw kif qed tikber il-fidi tagħhom.
“Bil-mod, għax Alla qatt ma jippressak, wieħed jiddixxerni s-sejħa divina li l-Mulej ikun qed ifassal għall-futur tiegħek, għall-ferħ tiegħek u għal ruħek”, qal kelliem għall-istess uffiċċju.
Wieħed jista’ jniżżel din l-App bla ma jħallas xejn kemm fuq l-iPhone jew fuq Android mis-sit elettroniku God Calls fuq www.godcalls.co.uk
Sr. Elaine Penrice, soru li taħdem bħala promutur tal-ħajja reliġjuża fl-uffiċċju tal-vokazzjonijiet qalet li din l-applikazzjoni kienet maħsuba sentejn ilu bħala parti minn strateġija biex tinbena kultura vokazzjonali pożittiva fil-Knisja lokali. “Dan ifisser li kulħadd għandu jħoss li hu msejjaħ minn Alla kemm biex jitqaddes u b’mod partikolari għal stil ta’ ħajja jew xogħol. Nemmnu li biex wieħed jisma u jifhem is-sejħa ta’ Alla f’ħajtu ikun tajjeb li wieħed jogħdos fir-relazzjoni tiegħu ma Alla”.
“Aħna konxji li biex inwasslu din l-idea, importanti li l-messaġġ jasal għand kemm jista’ jkun nies. L-applikazzjoni hi mod li permezz tagħha nistgħu ngħinu lin-nies – partikolarment liż-żgħażagħ – biex jaħsbu dwar ir-relazzjoni tagħhom ma’ Alla, u kif jistgħu jsaħħu din ir-relazzjoni jum wara jum”, żiedet tgħid Sr. Penrice.
Fl-ewwel jiem din l-App intlaqgħet tajjeb ħafna u din tista’tintuża’ minn kulħadd, hu fejn hu fid-dinja. Aktar kemm nies jużawha aktar aħjar biex il-Kelma t’Alla tasal kullimkien.