Godfrey Farrugia se jċedi s-siġġu lill-Kap il-ġdid tal-PD?

Read in English.

Il-Kap tal-Partit Demokratiku u d-Deputat Parlamentari tal-Oppożizzjoni Godfrey Farrugia saħaq li ma jistax iċedi s-siġġu lis-suċċessur tiegħu sa Ottubru li ġej, “għax ikun il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li jiddeċiedi minn min jimtela s-siġġu”.

Aqra: Il-PD se jħabbar it-tmexxija u l-eżekuttiv il-ġodda sa Ottubru

Dan ikkonfermah ukoll ma’ Newsbook.com.mt l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia, li spjega li fil-Parlament hemm Oppożizzjoni waħda li l-Kap tagħha huwa Adrian Delia.

Ma’ Newsbook.com.mt, Dr Godfrey Farrugia stqarr li jekk Delia jappunta persuna minfloku, jappunta lil min irid hu “bħalma ġara bis-siġġu ta’ Għawdex”.

Aqra: Jivvutaw biex Jean Pierre Debono jieħu post David Stellini fil-Parlament

X’ġara bis-siġġu ta’ Għawdex?

Il-Kap Konsulent Politiku tal-PN Jean Pierre Debono kien ċeda s-siġġu tiegħu fuq is-7 distrett wara li Delia kien ġie elett bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista. Is-Sibt li għadda l-Kumitat Eżekuttiv tal-PN ivvota biex jimtela s-siġġu tal-Eks MP David Stellini, b’Debono jġib żewġ voti iktar mill-Għawdxi Kevin Cutajar.

Fi tmiem il-ġimgħa li għadda, din l-aħbar qanqlet reazzjonijiet negattivi qawwija fil-Partit Nazzjonalista. Il-kontroversja li qamet kienet dwar li kien hemm min ma setax jivvota u vvota xorta waħda.

Aqra: Aġġornata: Nulla l-elezzjoni ta’ Jean Pierre Debono – Il-Kumitat tal-PN f’Għawdex

Aqra: Aġġornata: Is-siġġu parlamentari ta’ Għawdex insteraq b’qerq – l-eks President tal-Eżekuttiv tal-PN

Aqra: “Mhumiex nagħaġ imma lpup” – Arrigo

Il-kritika u l-pressjoni wasslet biex Jean Pierre Debono stqarr li mhux se jieħu l-ġurament tal-ħatra u l-PN talab biex il-mozzjoni tal-co-option ta’ Debono tiġi posposta.

Aqra: Jean Pierre Debono mhux se jieħu l-ġurament tal-ħatra

Min jieħdu s-siġġu ta’ Farrugia?

Dr Godfrey Farrugia żied jgħid li jekk hu jirriżenja mill-Parlament, is-siġġu tiegħu jittieħed minn persuna mill-Oppożizzjoni, li fi kliemu l-istess elettorat ma jridx din id-direzzjoni fil-PN.

Enfasizza li dan minħabba li minkejja li hu parti mill-Grupp Parlamentari tal-Oppożizzjoni, li jinkludi l-PN u l-PD, mhux parti mill-Grupp Parlamentari tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista. Żied jgħid li minn meta nħatar Delia bħala Kap tal-Oppożizzjoni, il-Grupp Parlamentari tal-Oppożizzjoni qatt ma ssejjaħ.

Farrugia kompla jispjega, li għaldaqstant la l-Kap tal-Oppożizzjoni huwa Dr Adrian Delia, id-diskrezzjoni taqa’ fuqu għall-għażla ta’ min għandu jieħu postu jekk jirriżenja. Saħaq li dan mhux il-ħsieb tiegħu.

“Oppożizzjoni waħda, il-kap Delia” – l-Ispeaker

Ikkuntattjat minn Newsbook.com.mt,  l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia, irrefera għar-ruling li kien ta dwar il-ħin allokat għad-dibattitu għall-MPs tal-Oppożizzjoni, u li fi kliemu japplika anke f’dan il-każ.  Ir-ruling kien jittratta li jkun il-Whip tal-Oppożizzjoni (PN) li jiddeċiedi kemm jingħataw ħin fid-dibattitu Parlamentari, il-Membri Parlamentari f’isem il-Partit Demokratiku.  Insista li l-Oppożizzjoni hija waħda.

Aqra: Id-deputati tal-PD suġġetti għall-Whip tal-Oppożizzjoni biex jitkellmu

 “L-Ispeaker qatt ma approva l-PD bħala partit uffiċjali” – Zammit

Newsbook.com.mt tkellem ukoll dwar dan mal-opinjonista George Vital Zammit, li stqarr li l-Partit Demokratiku għadu ma ġiex rikonoxxut uffiċjalment u li ma jirċievi l-ebda fondi mill-Kamra tar-Rappreżentanti minħabba li fi kliemu l-Ispeaker qatt ma approvah.