Godfrey Farrugia maħtur Segretarju Ġenerali tal-PD

Il-Membru Parlamentari Godfrey Farrugia ġie appuntat Segretarju Ġenerali tal-Partit Demokratiku (PD) flok Lee Bugeja Bartolo.
Il-PD ħabbar dan fi stqarrija, li fiha tkellem dwar żewġ bidliet li seħħew fil-partit fl-aħħar jiem.
Marcus Lauri issa huwa l-Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi.

Il-PD kien twaqqaf mill-eks-MP tal-Partit Laburista u eks-Ministru għas-Saħħa, Godfrey Farrugia, u Marlene Farrugia, li llum huma t-tnejn Membri Parlamentari tal-Oppożizzjoni.
Marlene Farrugia kienet inħatret Kap tal-PD, iżda s-sena l-oħra rriżenjat minn kap u flokha hemm Anthony Buttigieg.
Sadanittant, il-Kap tal-PD, Anthony Buttigieg kiteb fuq Facebook u qal li l-PD huwa organizzazzjoni li qed tikber mgħaġġel, u xtaq jiċċara li m'hemmx xi inkwiet għaddej fil-partit li wassal għal dawn il-bidliet.
Il-PD s-sena l-oħra kiteb ismu fl-istorja elettorali Maltija, wara li sar it-tielet partit irrappreżentat fil-Parlament Malti wara aktar minn 50 sena.