Godfrey Farrugia jitfa’ l-kandidatura għall-Kap tal-PD

Il-membru parlamentari tal-Partit Demokratiku Godfrey Farrugia qed jiġi nominat sabiex jieħu l-post ta’ Kap tal-Partit Demokratiku. Dan tħabbar permezz ta’ stqarrija mid-Deputat Mexxej tal-partit, Timothy Alden fejn qal li ssekonda lill-Kap kurrenti, Dr Anthony Buttigieg fin-nominazzjoni ta’ Farrugia.

Fuq Facebook, Alden sostna li l-ġurnata li Farrugia ngħaqad mal-Partit Demokratiku kienet ġurnata ta’ ispirazzjoni kbira għalih. Irrakkonta kif kienu marru l-Kwartieri tal-Partit Laburista jistaqsu għaliex il-midja tal-partit ma kinitx qed titkellem dwar dan. Qal li mbagħad kien akkompanja lil Farrugia biex jagħti diskors f’Ħaż-Żebbuġ fejn għal tmien snin hu kien serva bħala sindku tar-raħal.

Sostna li Farrugia ma jimpurtahx mill-poter u li r-raġuni li għaliha qed jiddeċiedi li jikkontesta din il-pożizzjoni minħabba li skonthom hija d-deċiżjoni ġusta kemm għall-partit kif ukoll għall-pajjiż. Irrimarka li għalih, Farrugia jista’ jsir Prim Ministru li jafda kulħadd.

https://www.facebook.com/photo.php?fbid=10160770750745507&set=a.10152838173480507&type=3&theater