​Aġġornata (2): “Il-ħażin bdejna nsejħulu tajjeb” – Godfrey Farrugia; “Riżenja sinifikattiva” – PN

Godfrey Farrugia se jirriżenja minn Whip tal-Partit Laburista.
F’ittra li bagħat lill-Prim Ministru, li ppubblika wkoll fuq Facebook, Dr Farrugia qal li l-prinċipji tal-Partit Laburista ġew ittraduti biex tiġi imbuttata l-aġenda tal-ftit li m’għandhomx għal qalbhom u f’moħħhom l-interess nazzjonali.
“Se nibqa’ fil-backbench bit-tama li nġib it-tmexxija f’sensiha”
Stqarr li għalkemm se jirriżenja mill-kariga ta’ Whip, se jibqa’ bħala Membru Rappreżentattiv fil-backbench tal-Gvern, bit-tama li jġib it-tmexxija f’sensiha u tieqaf tuża l-poplu għall-protezzjoni tal-poter tagħha.
Farrugia insista li fis-sena li fadal, il-Gvern jista’ jibdel id-direzzjoni biex jerġa’ jibni l-kredibbiltà li tilef.
“Il-ħażin bdejna nsejħulu tajjeb”
Stqarr li għalkemm hu kburi li hu parti minn Gvern li rnexxa u kiseb suċċess f’ċertu oqsma, “żlaqna fin-niexef, għax it-tmexxija naqset milli tkun matura”.
Godfrey Farrugia qal li għalkemm kulħadd uman, “meta bdejna niġġustifikaw l-iżbalji u l-ħażin insejħulu tajjeb, hemmhekk bdiet storja oħra”.
Kompla jgħid li d-direzzjoni xi drabi ma kinitx illegali, imma kienet iddur madwar il-liġi.
Dr Farrugia saħaq li minkejja l-effett pożittiv ta’ kull baġit, il-Gvern Laburista beda jitlef il-kredibilità, u li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru spiċċa jieħu aktar it-tmexxija f’idejh, anke meta spiċċa fid-dlam taħt id-dell tal-iskandlu tal-Panama.
“Smajtni, imma mhux dejjem tajt widen”
Godfrey Farrugia qal li dejjem ħadem qrib il-Prim Ministru u esprima fehmtu b’mod ġenwin, iżda minkejja li kien jisimgħu, mhux dejjem tah widen.
“Bsaten fir-roti minn diriġenti tal-Partit”
Semma wkoll kif meta kien qed jaffaċċja l-problemi f’saħħtu, sab ukoll bsaten fir-roti minn xi diriġenti tal-Partit Laburista, li qal li ppruvaw jaħbuh mil-lenti tal-midja.
Farrugia rrefera wkoll għal meta kellu jirriżenja u jiċħad karigi ta’ Ministeri oħra.  “Kont xammejt l-aġenda moħbija ta’ dawk li jħufu qribu u li jkollok fiduċja fihom,” żied jgħid.
“Tmexxija bi trasparenza mheżża bil-kbir”
Godfrey Farrugia rrimarka li f’ċertu riformi stenna li l-politiku ma jibqax iċ-ċentru ta’ kollox, iżda dan ma seħħx. Saħaq li anzi “għamilna l-kontra”.
Saħaq li s-sisien ewlenin tal-manifest elettorali li jiggarantixxu tmexxija b’kontabbiltà u trasparenza ġew mheżża bil-kbir.
Kompla jgħid li l-għemil ħażin li ma ġiex irrimedjat f’waqtu, ħalla riperkussjonijiet, bil-Gvern Laburista jitlef il-fibra morali.
“Ma rnexxilniex ngħaqqdu lill-poplu. In-nies spiċċat konfuża tfittex fl-għama, għatxana għal verità,” Dr Farrugia.
Stqarr li l-allegazzjonijiet li saru dan l-aħħar weġġgħuh għax jgħożż il-pajjiż. 
Tony Agius Decelis se jkun Aġent Whip
Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li l-Prim Ministru rċieva l-ittra tar-riżenja ta' Farrugia minn Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista, iżda se jkompli jagħmel parti mill-Grupp Parlamentari Laburista. 
Tony Agius Decelis se jkun aġent Whip sakemm tiġi eletta persuna oħra fil-kariga.
"Riżenja sinifikattiva" – Mario de Marco
Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Mario de Marco qal li din ir-riżenja hija waħda sinifikattiva, għax kif semma l-istess Godfrey Farrugia fl-ittra tiegħu, il-Partit Laburista ttradixxa l-fiduċja tal-poplu.
F’konferenza tal-aħbarijiet, de Marco żied jgħid li dan il-pass żgur ma kienx wieħed faċli għal Godfrey Farrugia. Sostna li dan iżid iktar il-ħtieġa ta’ forza nazzjonali ġdida fil-pajjiż.
Aqra l-ittra sħiħa li Farrugia bagħat lill-Prim Ministru hawn taħt.