Godfrey Farrugia jirriżenja mill-Kabinett

Il-Ministru għas-Saħħa Godfrey Farrugia ressaq ir-riżenja tiegħu lill-Prim Ministru Joseph Muscat.
Ir-riżenja ġiet mgħarrfa lill-Prim Ministru permezz ta’ ittra li fiha jistqarr li mhux lest jaħdem fil-Ministeru għas-Solidarjetà Soċjali u l-Familja flok il-Ministru Marie Louise Coleiro Preca, li se tinħatar President.
Stqarr li meta inħatar Ministru għas-Saħħa huwa kien ra li din kienet opportunità għalih li jsaħħaħ id-dinjità tal-pazjenti.
Fil-ġimgħat li għaddew, il-midja kienet qed tirrapporta kif il-Prim Ministru kien qed jikkunsidra li jieħu f’idejh ir-responsabbiltà tas-Saħħa.
Dan ukoll biex jidħlu fis-seħħ ir-rakkomandazzjonijiet li saru fir-rapport tal-Konsulent tal-Gvern, l-eks Ministru Nazzjonalista John Dalli.
Ilbieraħ, għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, l-Prim Ministru qal li fil-jiem li ġejjin il-Gvern mistenni jorganizza konferenza tal-aħbarijiet fejn se jingħataw dettalji fuq tibdil olistiku fil-qasam tas-Saħħa.
Għadu mhux magħruf jekk il-Prim Ministru aċċettax din ir-riżenja.