Ġodda fuq Netflix mil-lum

Ritratt: Netflix

Dawn huma produzzjonijiet ġodda li tistgħu ssegwu fuq Netflix mil-lum u fil-ġranet li ġejjin

L-Erbgħa  6 ta’ Novembru

Colette

Film bijografiku dwar il-ħajja tal-awtriċi Colette bl-attriċi Keira Knightley. Wara li tmur toqgħod Pariġi l-kittieba Sidonie-Gabrielle Colette tikteb novella dwar ħajjitha għal żewġha. Minħabba s-suċċess li tikseb tibda ġlieda biex toħodha kontra l-mod ta’ kif is-soċjetà kienet qed  tħares lejn in-nisa fil-bidu tas-seklu 20.

Il-Ħamis 7 ta’ Novembru

Tune in For Love

Il-ġrajja ta’ żewġ zgħażagħ, student u teenager, li jiltaqgħu f’post fejn jaħmu l-ħobż. Hi tkun DJ waqt li hu jkun għadu ħiereġ minn ċentru għall-korrezzjoni taż-żgħażagh. Hu jkollu sigriet mill-imgħoddi li ma jkunx irid jikxfu. Il-film, li ħareġ din is-sena, hu mill-Korea bl-attriċi prinċipali Kim Go-Eun.

Il-Ġimgħa 8 ta’ Novembru

Let It Snow

Film li se joħroġ għall-wiri l-ewwel darba f’din il-ġurnata fejn naraw maltempata kbira tal-borra tolqot belt żgħira fl-Istati Uniti l-lejlet il-Milied. Minħabba f’hekk grupp ta’ żgħażagħ jerġgħu jiltaqgħu wara li jkunu temmew l-iskola. Miġbura flimkien jerġgħu jsibu mill-ġdid id-dwejjaq u l-ferħ tagħhom ta’ żmien l-iskola u meta jisbaħ il-Milied bosta minnhom ikunu sabu toroq ġodda x’jaqbdu f’ħajjithom. Jaħdmu Isabela Moner u Kiernan Shipka.

Is-Sibt 9 ta’ Novembru

Paradise Beach

Film Franċiż li ħareġ fi Frar li wara karriera ta’ serq jieqfu mill-ħajja kriminali u jmorru jgħixu fit-Tajlandja. Ikunu jgħixu ħajja kwieta sakemm jitfaċċa wieħed mill-grupp li kien inxteħet il-ħabs. Issa jmur isibhom biex jieħu l-parti tiegħu mill-flus li kienu nsterqu minnhom ilkoll. Fil-parti ewlenija naraw lil Sami Bouajila.

Il-Ħadd 10 ta’ Novembru

Green Eggs and Ham

Serje ta’ cartoons ibbażati fuq il-kitba ta’ Dr Seuss. Fi triqithom biex isalvaw annimal li wasal jintemm minn fuq wiċċ id-dinja naraw żewġ personaġġi li jippruvaw isalvawh għad li ġejjin minnnaħat opposti fid-dinja. Il-ħbiberija ġġibilhom is-saħħa biex jilħqu ħsiebhom.

It-Tnejn 11 ta’ Novembru

Support the Girls

Lisa hi l-maniġer ta’ bar li jkunu jaħdmu fih tfajliet bi ftit ħwejjeġ. Lisa kienet il-ħin kollu tipproteġihom iżda ġurnata minnhom tgħaddi minn bosta nkwiet biex tara li ħadd mit-tfajliet tagħha ma jkunu abbużati. Il-film ħareġ fl-2018 b’Reġina Hall fil-parti ewlenija.