GO tniedi fond ġdid għal futur aħjar

GO qed tniedi l-Fond ‘GO for the future’, investiment ta’ €80,000 li għandu jservi ta’ appoġġ għall-edukazzjoni u biex jitkabbar l-interess fis-suġġetti tax-xjenza. L-ewwel investiment tal-Fond, li qed tħabbar illum, se jappoġġja l-proġett ‘Aqra Kemm Tiflaħ’.
Dan il-proġett jitmexxa mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol.
L-għan hu li jtejjeb il-libreriji tal-klassijiet u jinkuraġġixxi lit-tfal biex iqattgħu iktar ħin jaqraw.
Permezz ta’ ‘Aqra Kemm Tiflaħ’, kull librerija tal-klassijiet tal-1,2 u 3 sena se tingħata 100 ktieb interessanti biex it-tfal jitħajru jaqraw waqt il-ħin liberu tagħhom. Il-kotba, li jinkludu dawk tal-ġeneru fiction u non-fiction, ser ikunu 50 bil-Malti u 50 oħra bl-Ingliż.
Riżorsi interattivi u materjal ieħor stampat se jingħataw lill-istudenti bil-għan li jgħinuhom jagħmlu esperjenza sabiħa u pożittiva tal-qari.
L-impenn ta’ GO għal dan il-proġett, li għandu jitwettaq f’din is-sena skolastika, se jkun ta’ mill-inqas €11,000.
Fil-ġimgħat li ġejjin, il-Fond ‘GO for the future’ se jkun qed iniedi għadd ta’ inizjattivi oħra kollha bl-għan li jrawmu interess fis-suġġetti tax-xjenza u teknoloġija.