Go Tinvesti Aktar Minn € 100 Miljun Għall-Ħames Snin Li Ġejjin

GO plc qed tinvesti aktar minn €100 miljun għall-ħames snin li ġejjin biex tiżgura li l-infrastruttura u s-sistemi tagħha jirriflettu l-iżviluppi teknoloġiċi li qed iseħħu u tkompli taqdi t-talbiet dejjem jikbru tal-komunità u tal-ekonomija Maltija. Dan wara li, matul dawn l-aħħar għaxar snin, GO digà investiet €240 miljun fi progetti oħra.  
Dawn l-investimenti rriżultaw f'benefiċċji bla preċedent għall-konsumatur u għall-ekonomija Maltija, li t-tnejn li huma jiddependu ħafna fuq infrastruttura ta' komunikazzjoni moderna, b'saħħitha u reżiljenti.
Dan il-programm ġdid ta' investiment diġà beda jagħti riżultati sinifikanti. GO bħalissa qed ittejjeb iż-żewġ kejbils li għandha taħt il-baħar li jgħaqqdu lil Malta mal-Ewropa kontinentali permezz ta' Sqallija. Dan il-proġett, immexxi minn tim ta' inġiniera ta’ GO, hu kważi lest, u se jirdoppja l-kapaċità tad-dejta ta' dawn il-kejbils.
Matul żjara fl-Uffiċju Ewlieni ta’ GO mill-Prim Ministru Dr Joseph Muscat, il-Kap Eżekuttiv ta’ GO Attila Keszeg, qal ‘’Investejna b'mod kostanti u konsistenti fl-infrastruttura tal-komunikazzjoni ta' Malta u se nkomplu nagħmlu dan matul il-ħames snin li ġejjin għaliex nemmnu bis-sħiħ fil-futur tas-servizzi tal-komunikazzjoni f' Malta. Grazzi għal dawn l-investimenti, wasalna biex varajna il-‘Fibre To The Home’ (FTTH) fid-djar Maltin, filwaqt li ksibna ċertifikazzjoni doppja li juru li GO għandha n-netwerk tal-mowbajl  l-aktar veloċi u reżiljenti f'Malta. Madankollu, l-infrastruttura nazzjonali hi biss parti waħda mill-ħidma kollha tal-kumpanija.
Biex l-ekonomija tkompli tikber teħtieġ  li jkollha ukoll il-konnettività internazzjonali. Għalhekk, GO trid li tiżgura li l-kejbils li jgħaqqduna mad-dinja jkollhom il-kapaċità u l-affidabiltà li jkomplu jlaħqu mad-domanda dejjem tikber għad-dejta kemm minn individwi kif ukoll min-negozji. Bħala l-uniku operatur f' Malta b' aktar minn kejbil wieħed taħt il-baħar, l-irduppjar tal-kapaċità tal-kejbils eżistenti tagħna tirrappreżenta pass sinifikanti 'l quddiem biex jgħin lil Malta tikseb il-viżjoni tagħha fis-setturi tat-teknoloġija u tal-innovazzjoni.”
Barra minn hekk, GO qed tevalwa wkoll il-fattibbiltà li tinħoloq rabta ġdida ma' kejbil sottomarin eżistenti li bħalissa jgħaqqad  lil Tunes fit-Tuneżija ma' Marsilja fi Franza. Dan ikompli jsaħħaħ il-konnettività internazzjonali ta' Malta billi jkompli jżid il-kapaċità tad-dejta, kif ukoll is-sigurtà tal-provvista. Din se tkun l-ewwel ħolqa bejn Malta u d-dinja li mhijiex kompletament dipendenti fuq l-Italja.