GO tiffirma ftehim ta’ għajnuna lill-MCCF għal 4 Snin

Tippreżenta donazzjoni ta’ €70,000 B’Riżq il-Kampanja l-Istrina

Fejn tidħol l-għajnuna lill-pajjiż, probabbli din kienet l-iżjed sena li fiha nħass b’saħħtu r-rwol tal-kumpanija GO u għalkemm iż-żmien kien ta’ sfida kbira, GO xorta onorat l-impenji tagħha mal-komunità fejn kompliet twassal donazzjonijiet fi flus u tagħmir lil diversi NGO’s u organiżżazzjonijiet tal-karità.

Kien għalhekk fil-fatt li minbarra li reġgħet għenet lill-kampanja l-Istrina b’donazzjoni fi flus ta’ €70,000, GO din is-sena qed tkompli tisħaq l-għajnuna tagħha lill-MCCF billi ffirmat ftehim ta’ erba’ snin ta’ għajnuna sabiex tgħinha tilħaq il-miri iżjed fit-tul.

“GO kienet u se tibqa’ dejjem fil-qalba tal-komunità Maltija. Huwa għalhekk li mpenjajna ruħna fi ftehim ta’ appoġġ ta’ erba’ snin mal-MCCF. Aħna nemmnu fir-rwol uniku li l-MCCF għandha fl-appoġġ lill-komunità Maltija u nemmnu li peress li dan huwa wkoll konformi mal-missjoni tagħna li ma nħallu lil ħadd warajna, kellna ningħaqdu f’dan il-ftehim li jista’ biss iwassal għal riżultati aktar pożittivi,” qal il-Kap Eżekuttiv ta’ GO Nikhil Patil.

GO Tipproċessa 40,000 Telefonata Waqt l-Istrina

Bħal fi snin ta’ qabel, GO għal darb’oħra mmobiliżżat it-tim tekniku tagħha sabiex tiżgura li l-aspett tekniku wara l-Istrina jimxi kif suppost.

“L-Istrina 2020 kienet edizzjoni speċjali mhux biss minħabba r-restrizzjonijiet ta’ Covid19 iżda wkoll għaliex din is-sena, biddilna kompletament il-qafas tas-servizzi ta’ GO li din is-sena twasslu bit-teknoloġija Fibre u VoIP f’postijiet differenti u fl-istess ħin biex irnexxielna nipproċessaw 40,000 telefonata,” żied qal Ayrton Caruana, il-Kap Uffiċjal ta’ l-Operat.

Fost l-apparat użat, GO wasslet 1.5Km ta’ fibre cable, 1.5km ta’ CAT 5 cable, 70 sett tat-telefon IP għad-donazzjonijiet, WiFi TV boxes, True-Fibre gigabit internet, kif ukoll kollegamenti diretti permezz tat-teknoloġija fibre ma’ stazzjonijiet tat-TV. GO kellha wkoll timijiet ta’ tekniċi fuq stand-by fil-Kumpless Sportiv ta’ Ħal-Kirkop, fil-MITA f’Santa Venera u fil-binja ta’ GO jaraw li kull aspett tekniku miexi kif suppost.

“L-organiżżazzjoni teknika li hemm bżonn għal avveniment bħalma hi l-Istrina hija waħda kumplikata ħafna iżda bħala waħda mill-iżjed kumpaniji ta’ telekomunikazzjoni stabbiliti f’Malta li l-għan tagħha huwa li żżomm lill-Maltin konnessi ma’ dak li l-iżjed huwa għal qalbhom, kburin li huwa propju grazzi għat-teknoloġija ta’ GO li l-Istrina għaqqdet pajjiż sħiħ,” temm jgħid is-sur Patil.

Dan it-tagħrif twassal minn GO.