GO se takkwista l-maġġoranza tal-ishma ta’ Cablenet f’Ċipru

GO plc, il-fornitur ewlieni tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet ‘quad play’ f’Malta, se tkun qed takkwista l-maġġoranza tal-ishma ta’ Cablenet Communications Systems Limited, kumpanija Ċiprijotta tat-telekomunikazzjoni ‘triple play’ fejn qabel GO kellha biss sehem minuri.  
F’Settembru 2014, f’konformità mal-istrateġija tagħha li tikseb opportunitajiet ta’ tkabbir kull meta dan jagħmel sens, GO kisbet 25% tal-kapital azzjonarju ta’ Cablenet f’Ċipru. GO kienet estendiet ukoll self konvertibbli ta’ €12-il miljun lil Cablenet li seta’ jkun konvertit f’ekwita’ (equity), kif ukoll l-għażla li, fil-futur,  takkwista l-kontroll tal-maġġoranza tal-ishma fil-kumpanija Cablenet.
Il-Bord ta’ GO issa ddeċieda li jagħmel dan il-pass u jikkonverti s-self f’ekwità. B’riżultat ta’ dan, is-sehem tal-ishma ta’ GO fil-kumpanija Cablenet se jiżdied minn 25% għal 45% tal-kapital azzjonarju ta’ Cablenet. GO qed teżerċita wkoll l-għażla, li kienet inkluża fil-ftehim oriġinali tax-xiri tal-ishma, li tikseb 6% oħra tal-ishma kapitali, biex tilħaq total ta’ 51% tal-ishma u b’hekk tikseb il-maġġoranza tal-ishma.
Cablenet hi kumpanija privata li bdiet topera fl-2003 bħala l-fornitur tal-cable TV f’Ċipru. Sa minn dak iż-żmien, il-kumpanija espandiet in-netwerk u l-operat tagħha b’mod konsistenti. Illum, Cablenet hi l-fornitur privat ewlieni għall-broadband f’Ċipru u toffri pakketti li jinkludu aċċess għall-internet bil-broadband, telefonija b’linji fissi u HD TV diġitali lil għadd ta’ abbonati li n-numri tagħhom dejjem qed jikbru.