Ġnien vertikali mal-ħajt tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin

MECP

F’Raħal Ġdid ġie żviluppat ġnien vertikali fuq il-ħajt tal-Faċilità Korrettiva tal-Kordin b’investiment ta’ €30,000 minn Ambjent Malta.

Dan il-proġett tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia, fejn spjega li l-gvern kompla bil-ħidma fuq numru ta’ ġonna vertikali madwar il-pajjiż sabiex ikomplu jitħaddru postijiet fejn il-familji Maltin u Għawdxin jgħixu u jaħdmu.

Il-Ministru spjega li l-Forum Konsultattiv għall-Ippjanar Intelliġenti, li twaqqaf minnu, ipprepara studju fuq il-green walls u l-green roofs li stabilixxa numru ta’ benefiċċji li dawn jistgħu joffru fil-Gżejjer Maltin, fosthom li jtejbu l-kwalità tal-arja, inaqqsu l-ħsejjes, iservu ta’ abitat għal pollinaturi u jnaqqsu t-temperaturi fiż-żoni urbani. Apparti minn hekk, huwa spjega kif interventi bħal dawn isebbħu t-toroq, jippurifikaw l-arja fl-iktar żoni urbani tal-pajjiż u b’hekk jipprovdu ambjent aħjar għall-komunitajiet li jgawduhom. 

Il-proġett li sar f’Raħal Ġdid, il-komunità bbenefikat minn assistenza teknika u skema ta’ fondi li kienu immirati sabiex isebbħu żoni urbani u jżiedu l-kapital ambjentali f’din il-lokalità. 

13-il kunsill lokali ieħor irċevew għajnuniet simili, sabiex jinvestu u jdaħħlu kunċett ħadrani mal-bini eżistenti u f’arterji traffikużi. Kunsilli oħra għamlu interventi ta’ tisbiħ f’żoni diversi, fejn ħawlu diversi speċi ta’ siġar u arbuxxelli.