​Ġlieda waqt l-Isle of MTV tkompli fuq Facebook

Ġlieda li bdiet fuq il-Fosos tal-Furjana waqt il-kunċert tal-Isle of MTV, fl-aħħar jiem kompliet fuq Facebook.
Il-pulizija kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt li nhar l-Erbgħa li għadda filgħaxija fuq il-Fosos tal-Furjana kien hemm ġlieda bejn raġel ta’ 38 sena u żewġ żgħażagħ ta’ 19-il sena.
Il-każ seħħ għall-ħabta tal-11.30pm ftit qabel ma ntemm il-kunċert, bejn ir-raġel u l-koppja li dak il-ħin kienu f’vettura. Iż-żewġ żgħażagħ ġarrbu ġrieħi ta’ natura ħafifa.
Ir-raġel ġie arrestat minnufih u l-pulizija mistennija toħroġ l-akkużi relattivi fil-jiem li ġejjin.
Minn informazzjoni li għandu Newsbook.com.mt, il-ġlieda nqalgħet wara li r-raġel allegatament dellkilkom il-bżieq mal-karozza. Ingħad ukoll li ta daqqiet ta’ ponn lit-tfajla u anke taha daqqiet f’wiċċha b’irkopptu.
Fuq Facebook, ir-raġel qal li dak li qed jingħad mhux minnu u li qed jiġi mmalafamat meta l-affarijiet ġraw mod ieħor. Qal ukoll li mhux se jħalli lil ħadd iħebb għalih għalxejn.  
Għall-kumment tar-raġel, kienu bosta dawk li kkummentaw, bil-maġġor parti tagħhom jappoġġjawh.
Madanakollu persuna qaltlu li l-pulizija ma ġabruhx ta’ xejn u li ma kienx 100% f’sensih meta beda jagħti lil dik it-tfajla. Ir-raġel wieġeb li ‘l-pulizija mhux ġabruni imma ħelsuni mid-daqqiet li kont qed naqla’ mingħand is-sieħeb tat-tfajla li beda l-ġlieda’.
Ritratt: Arkivji