Ġlieda Paceville: Wieħed jinżamm arrestat

Żewġ irġiel mis-Somalja, li sawtu raġel ieħor mis-Somalja ukoll, għax allegaw li serqilhom il-mowbajl f’Paceville ingħataw il-libertà kkundizzjonata. 
Min-naħa l-oħra, ir-raġel li allegatament seraq il-mowbajl qed jinżamm taħt arrest preventiv. 
L-irġiel Somali ġew arrestati fi Triq Santu Wistin f’Paceville illum fis-2:30am wara li l-Pulizija rċevew rapporti ta’ ġlieda.
Fil-Qorti ntqal kif il-Pulizija marru fuq il-post u sabu liż-żewġ irġiel iżommu raġel ieħor u allegaw li seraq mowbajl u kartiera mingħandhom. 
L-irġiel tressqu l-Qorti akkużati li ferew b’mod ħafif lir-raġel l-ieħor. Huma wieġbu ħatja għall-akkużi. Il-Prosekuzzjoni ddeċidiet li għal din ir-raġuni jinħelsu bil-kundizzjoni li ma jwettqu l-ebda tip ta’ reat ieħor fis-sitt xhur li ġejjin.
Warajhom tressaq is-Somalu l-ieħor, ta’ 22 sena, li qed jiġi akkużat bis-serqa. Minkejja li wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, iż-żagħżugħ instab reċediv hekk kif hu riċentament kien inħeles proviżorjament u għaldaqstant, fil-ħin li allegatament twettaq ir-reat, iż-żagħżugħ mhux suppost kien qiegħed barra.
Għalhekk, il-Qorti pperseduta mill-Maġistrat Gabriel Vella ċaħdet it-talba għall-ħelsien tiegħu mill-arrest u qed jinżamm taħt arrest preventiv.