Ġlieda ħabs: “Il-priġunier ferut ma riedx ikellem lill-Pulizija” – Il-Ministeru

Argument bejn grupp żgħir ta’ priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin wassal biex wieħed mill-priġunieri ngħata l-kura għall-ġrieħi ħfief.
Dan ikkonfermatu ma’ Newsbook.com.mt, kelliema għall-Ministeru għall-Intern, meta wieġbet mistoqsijiet dwar l-artiklu tal-ġurnal In-Nazzjon, li jgħid li priġunier qala’ xebgħa waqt li kien f’ċella tal-iżolament f’Diviżjoni 6.
Skont it-Times of Malta, il-priġunier ittieħed f’din iċ-ċella wara li ommu kkritikat lill-awtoritajiet tal-ħabs fuq il-midja soċjali, għal mod kif binha qed ikun itrattat.
Jidher li wara li saret din il-kritika, membri tal-Ispecial Response Team daħħlu jagħmlu spezzjoni fiċ-ċella ta’ dan il-priġunier, f’Diviżjoni 1, u sabu xi oġġetti illegali.
Kien għalhekk li l-priġunier ittieħed f’Diviżjoni 6, fejn skont In-Nazzjon u anke t-Times of Malta, żewġ priġunieri rnexxielhom jidħlu fiċ-ċella tiegħu u tawh “xebgħa tajba”.
Il-Kelliema għall-Ministeru qalet li wara dan l-inċident ġiet imsejħa l-Pulizija, iżda l-priġunier involut irrifjuta li jagħmel rapport jew inkella jitkellem mal-Pulizija.
In-Nazzjon semma kif fuq il-midja soċjali, omm il-priġunier kienet għamlet appell imqanqal biex dan jitħalla jattendi ċerimonja ta’ Magħmudija.  Jidher li s’issa, l-awtoritajiet tal-ħabs qed jirrifjutaw it-talba.
Mistoqsija dwar dan, il-Kelliema għall-Ministeru qalet biss li “l-prison leave huwa rregolat minn proċeduti li jiddeterminaw l-eleġibilità tal-applikant.” 

Ritratt: Arkivji