Ġlieda għall-promozzjoni fil-futbol lokali

Marsaskala u Għaxaq qegħdin jagħmlu ħilithom kollha għall-promozzjoni f’dan l-istaġun.

Mit-tieni diviżjoni, Marsaskala għelbu lil Għargħur bl-iskor ta’ 2-1, biex din tkun ir-raba’ logħba tagħhom bla telfa.

Għargħur ħarġu diżappuntati għax kienu qegħdin jittamaw f’rebħa li kienet teħodhom fit-tielet post ma’ Mqabba.

Ta’ min jgħid li t-timijet fit-tieni diviżjoni qegħdin viċin ħafna ta’ xulxin fil-punti.

Pembroke qegħdin l-ewwel bi 30 punt, segwiti minn Fgura b’27, Mqabba b’25, Mellieħa u Għargħur bi 22, Zabbar b’21, San Gwann b’20, Senglea bi 17, Marsaskala b’14, Kirkop b’10, Mdina u Dingli bi 8 punti u Siggiewi fl-aħħar post b’7 punti.

Fit-tielet diviżjoni nsibu lil Għaxaq li qed jirsistu għall-promozzjoni fit-tieni diviżjoni.

Għaxaq għelbu lil Santa Lucia bl-iskor ta’ 3-1 u din kienet ir-raba’ rebħa f’ħames logħbiet.

Għal Santa Lucia din kienet it-tieni telfa konsekuttiva wara li l-ġimgħa l-oħra tilfu kontra Xgħajra.

Fit-tielet diviżjoni Sirens qegħdin fil-quċċata bi 33 punt, segwiti minn Swieqi b’ 29 punt, Għaxaq bi 28 punt, Santa Lucia u Luqa b’24 punt, Xgħajra bi 23, Attard b’20, Mġarr bi 18, Santa Venera u Qrendi b’16, Mtarfa bi 12, Ta’ Xbiex bi 8 punti, Kalkara bi 3 punti u Marsaxlokk b’żewġ punti mnaqqsin.