Ġlieda fuq tifel toħloq paniku f’ristorant fil-Mellieħa

Tifel ċkejken qajjem paniku sħiħ f’ristorant fil-Mellieħa wara li l-familja tiegħu kellha xi tgħid ma’ koppja anzjana li jinsabu Malta fuq btala.
Il-ġlieda ma jidhirx li kienet waħda żgħira hekk kif fil-Qorti nstema’ li saħansitra taru anke mwejjed u siġġijiet.
Żewġ persuni, li għandhom 21 u 34 sena, fosthom omm it-tifel, ittellgħu l-Qorti akkużati li weġġgħu gravi lil Belġjan ta’ 66 sena u anke weġġgħu lil martu.
L-anzjan spjega kif kollox beda meta t-tifel li kien mal-koppja qaleb tazza ilma fuq il-mara tiegħu tant li kellhom iqumu u jpoġġu fuq mejda oħra.
Għat-tieni darba kellha tbiddel il-post meta t-tifel beda jagħti daqqiet ta’ sieq fuq wara tas-siġġu tagħha. Kien hawn li, skont il-Belġjan, omm it-tifel marret tistaqsihom x’ġara.
Skont l-anzjan, iż-żagħżugħ li kien ma’ omm it-tifel tilef il-paċenzja u qabad jgħajjat u jitkellem ħażin.
Kompla jgħid kif iż-żagħżugħ beda jistiednu għall-ġlied, imbuttah u saħanistra weġġgħu f’widnejh. “Jien ma ridx niġġieled għax ma ġejtx Malta biex niġġieled.”
L-anzjan qal li ż-żagħżugħ saħanistra qaleb żewġt imwejjed u waqqa’ lill-martu minn fuq is-siġġu.
Mistoqsi jekk għamilx xi ħaġa hu li wassal għar-reazzjoni taż-żagħżugħ, il-Belġjan qal li hu mhux qattiel imma turist li kien qed jiekkol id-deżerta.
Xehdet ukoll il-mara li spjegat kif ippruvat tispjega lill-omm it-tifel biex iżomm għajnejha fuqu u tikkoreġih iżda ma riditx taf .
Spjegat kif lilha waqqawha minn fuq is-siġġu u anke kif iż-żagħżugħ qabad siġġu u beda jagħti bih lil żewġha
Iż-żewġ akkużati wieġbu mhux ħatja. Huma ngħataw il-ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali ta’ €1,000.