Ġlieda fuq kelb teskala; l-ewwel bl-ixkupi mbagħad b’senter

Ġlieda fuq kelb żgħir bejn żewġ familji eskalat bl-użu tal-ixkupi u baqgħet tiskala sakemm intużat arma tan-nar.

Fil-Qorti lbieraħ nstema’ kif l-argument seħħ is-Sibt li għadda. Minħabba l-argument, mara spiċċat l-isptar bi ksur u raġel ieħor weġġa’ ħafif meta allegatament intlaqat minn arma tan-nar. Ilbieraħ tressqu żewġt irġiel akkużati bl-involviment tagħhom fil-biċċa. It-tnejn kienu ġejjin min-naħat opposti tal-argument.

Fil-Qorti l-Pulizija qalet li ġew infurmati li kien hemm argument fi Triq Dliela Ħaż-Żabbar. Dan beda fuq kelb żgħir li ħareġ minn residenza u mar fejn residenza oħra. Il-ġara tas-sidien tal-kelb kienet qed taħsel u allegatament xejret daqqiet ta’ xkupa lejn il-kelb. Qam argument bl-involviment ta’ membri oħra miż-żewġ familji.

Aktar tard reġa’ qam argument ieħor minħabba dak li ġara.

Il-Pulizija ressqet il-Qorti żewġt irġiel residenti Ħaż-Żabbar – wieħed ta’ 44 sena u l-ieħor ta’ 41 sena. Il-Maġistrat Nadine Lia ordnat li t-tnejn li huma jinżammu taħt arrest.

Skont dak li nstema’ fil-Qorti, ir-raġel ta’ 41 sena ma kienx involut fl-ewwel argument. Però, meta sema’ b’dak li ġara avviċina lir-raġel ta’ 44 sena u beda jgħajjat kliem oxxen. Allegatament, qabad arma tan-nar mhux ikkargata u giref lir-raġel l-ieħor f’sidru biha. Il-Pulizija elevat erba’ armi tan-nar mid-dar tiegħu.