Ġlieda fuq arloġġ misruq twassal lil 2 persuni fl-awla tal-Qorti

Raġel ingħata l-ħelsien mill-arrest u mara għandha titressaq il-qorti wara li dawn kienu involuti fi ġlieda, flimkien ma’ raġel ieħor, fuq arloġġ misruq tad-ditta Rolex.

Ilbieraħ tressaq il-qorti raġel ta’ 43 sena quddiem il-Maġistrat Claire Louise Stafrace. Huwa kien akkużat li weġġa’ ħafif lil mara u li ħebb għal, hedded u weġġa’ daqsxejn lil raġel li kien qed iwassalha.

Il-ġlieda bdiet jum qabel waranofsinhar f’Ħaż-Żebbuġ, u kompliet aktar tard f’San Ġiljan, fejn l-akkużat allegatament insulta u attakka lil tliet uffiċjali tal-pulizija. Huwa kien akkużat ukoll li rreżista l-arrest u heddidhom. Ġie mixli li kellu sikkina fuqu fil-pubbliku mingħajr permess.

L-Ispettur tal-Prosekuzzjoni qal fil-qorti li r-raġel allega li għen lill-mara billi xtralha l-ikel u taha post fejn toqgħod, u hi mbagħad, serqitlu arloġġ tad-ditta Rolex. Huwa sabha fil-pussess tal-arloġġ tiegħu, flimkien mar-raġel l-ieħor involut, u dan wassal għal ġlieda bejn it-tliet persuni.

Kien hawnhekk li ntalbet l-għajnuna tal-pulizija.

Ir-raġel wieġeb mhux ħati u talab għall-ħelsien mill-arrest. L-avukati tiegħu qalu li hu għandu wild x’jieħu ħsieb.

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għaliex saħqet li l-pulizija kienu avviċinaw lir-raġel u qalulu biex ma jersaqx lejn il-mara, madankollu hu ma semax minnhom.

Il-Qorti ħelset lir-raġel mill-arrest b’depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €10,000. Inħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-mara, u r-raġel ma jistax imur San Ġiljan. Irid jiffirma l-għassa tliet darbiet f’ġimgħa, u jrid jimxi mal-ħin mogħti lilu biex joħroġ.

Il-mara għandha titressaq il-qorti fil-jiem li ġejjin.