Ġlieda f’Paceville; persuni jsofru xi ġrieħi

pulizija kordin
Miguela Xuereb

Kmieni dalgħodu seħħet ġlieda f’Paceville fejn grupp ta’ persuni, inkluż bouncers u persuni li kienu qed jiddevertu spiċċaw fl-idejn u jwaddbu oġġetti lil xulxin.

Newsbook.com.mt kkuntattja lill-Pulizija dwar il-każ. Kelliem għall-Pulizija qal li l-ġlieda seħħet għall-ħabta tal-4.30am fi Triq San Ġorġ, fi stabbiliment ta’ divertiment. Il-kelliem għall-Pulizija spjega li xi persuni ndarbu kawża tal-ġlieda. Dawn marru għall-kura minn jeddhom u kellhom jippreżentaw iċ-ċertifikat tal-ġrieħi li ġarrbu lill-pulizija. Jidher però li s’issa ħadd minnhom ma għamel dan.

F’filmat tal-ġlieda ppubblikat mill-ġurnal MaltaToday jidhru grupp ta’ rġiel, li x’aktarx huma barranin jiġġieldu. Minnhom saħansitra spiċċaw mingħajr flokkijiet u jwaddbu l-flixken lejn xulxin u lejn il-bibien tal-istabbiliment tad-divertiment magħruf bħala Havana.

Fil-filmat li ttieħed minn persuna li kienet fuq il-post dak il-ħin jidhru diversi membri tal-pulizija li kienu qed iferrxu l-grupp ta’ persuni li nġabru fejn kienet qed isseħħ il-ġlieda.