Ġlieda fl-Imġarr: L-akkużat jingħata l-ħelsien mill-arrest

Read in English.

Raġel ta’ 28 sena minn Nadur ingħata l-ħelsien mill-arrest mill-Qorti ta’ Għawdex fejn ġie mixli li weġġa’ gravi żewġ persuni fl-Imġarr Għawdex.

Ir-raġel kien akkużat li fera żewġ persuni waqt ġlieda fit-2 ta’ Awwissu 2020. Il-ħelsien mill-arrest ingħata b’digriet tal-Qorti Kriminali ppreseduta mill-Imħallef Aaron Bugeja. Dan wara li l-ħelsien mill-arrest kien ġie rrifjutat diversi drabi mill-Qorti tal-Maġistrati ta’ Għawdex.

Id-Difiża qalet li fis-sottomissjonijiet għall-ħelsien mill-arrest, il-Qorti tal-Maġistrati kienet qed tiċħad il-ħelsien mingħajr ma tagħti raġuni suffiċjenti, u li ma kien hemm l-ebda raġuni valida fil-liġi għaliex l-akkużat kellu jibqa’ arrestat.  Spjegat ukoll li l-vittma f’dan il-każ kien l-akkużat innifsu, “li safa aggredit mill-allegati vittmi wara li qattgħu lejl jitterrorizzaw lil Għawdex u joħolqu inċidenti, meta skont ma ħareġ mix-xhieda tat-tabib li invistahom dawn kienu taħt l-influwenza tax-xorb u d-droga”.

L-allegati vittmi tressqu l-Qorti wkoll. L-akkużat f’dan il-każ kien assistit minn Dr Kevin Mompalao.