​Ġlieda fil-ħabs; wieħed mill-priġunieri joħroġ xafra

Seħħet ġlieda bejn xi priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, b’wieħed minnhom joħroġ xafra meta intervjena Uffiċjal.
Is-Segretarju tal-General Workers Union (GWU) għat-Taqsima tal-Forzi Dixxiplinati, Uffiċjali tas-Sigurtà u tal-Infurzar tal-Liġi Theo Vella qal ma’ Newsbook.com.mt li l-inċident seħħ ilberaħ għall-ħabta tas-2:15pm. Qal li Uffiċjal Korrettiv li mar biex jintervjeni safa aggredit minn wieħed mill-priġunieri.
Skont Vella, wieħed il-priġunier tah daqqa ta’ ponn u beżaq lejn l-Uffiċjal. Wara, huwa ħareġ xafra li ppuntahha lejn l-istess Uffiċjal.
Vella spjega li fortunatament, f’dak il-mument daħal Uffiċjal ieħor li uża l-pepper spray biex jikkontrolla s-sitwazzjoni.
Sors qrib il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin ikkonferma ma’ Newsbook.com.mt dak li qal Vella.
Vella qal ma’ Newsbook.com.mt li għalkemm l-inċident seħħ fit-taqsima tal-ogħla sigurtà fil-faċilità, mhux kull uffiċjal għandu l-pepper spray. Żied jgħid li xi uffiċjali li għandhom il-pepper spray għandhom prodott li huwa skadut.
Vella saħaq li għall-GWU huwa importanti li l-Uffiċjali fil-faċilità kollha jkollhom il-pepper spray għas-saħħa u s-sigurtà tagħhom.