Ġlieda bis-skieken bejn sema u ilma; vapur abbandunat minn Malta u l-Italja

    Read in English.

    Newsbook.com.mt huwa infurmat li saħnet il-qiegħa fuq il-vapur MV Marina hekk kif qamet ġlieda bi skieken bejn l-immigranti abbord. Dawn l-immigranti ġew salvati mill-MV Marina fuq ordni taċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni ta’ Salvataġġ (RCC) ta’ Malta.

    Il-vapur, bi 13-il membru tal-ekwipaġġ tella’ abbord 79 immigrant, fosthom 3 nisa. Il-biċċa l-kbira tal-immigranti huma mill-Bangladesh. Huma qed ikunu aġitati u mhux kalmi b’riżultat tat-trawma li kellhom fuq il-baħar.

    Dr Ann Fenech, li qed tirrappreżenta s-sidien tal-vapur, qalet ma’ Newsbook.com.mt, li l-membri tal-ekwipaġġ mhumiex imħarrġa biex jgħinu influss ta’ persuni mwerwra, fi spazju limitat u b’nuqqas ta’ affarijiet bażiċi. Żiedet tgħid li hemm ukoll l-istress tal-pandemija tal-coronavirus hekk kif m’hemm l-ebda mod kif l-immigranti jistgħu jiġu ttestijati. Lanqas m’hemm it-tagħmir protettiv adekwat.

    Il-membri tal-ekwipaġġ qed jgħejjew. M’hemmx ilma. L-awtoritajiet Taljani tawhom ftit fliexken tal-ilma biex jixorbu, imma qed jużaw l-ilma tal-air conditioning biex jinħaslu u għat-toilets.

    Abbandunati mill-awtoritajiet

    Dr Ann Fenech qalet ma’ Newsbook.com.mt li l-vapur ma rċieva l-ebda rispons la minn Malta u lanqas mill-Italja. 

    “Għadni lanqas ma rċevejt rikonoxximent għall-aħħar imejl li bgħatt ilbieraħ filgħodu. Ovvjament, napprezza li s-sitwazzjoni hi diffiċli, iżda l-RCC ta’ Malta ma tistax tinjora l-fatt li hemm vapur li hi stess ordnatlu jmur isalva l-ħajjiet, abbandunat mill-awtoritajiet”, kompliet tgħid Dr Fenech.

    Qalet ukoll li l-Freeport, fejn il-vapur kien ippjanat li jħott il-merkanzija, mhuwiex magħluq. Qed titlob lill-awtoritajiet biex tħalli l-vapur jidħol fil-port, kif kien skedat. Il-kaptan tal-vapur ġie infurmat li l-kwistjoni tinsab f’idejn il-Prim Ministru.

    Kif żviluppat l-istorja ta’ dan il-vapur?

    Qabel il-Ħadd 3 ta’ Mejju: L-MV Marina kien fi triqtu minn Sfax għall-Freeport f’Marsaxlokk. Kien mistenni jħott 265 kontejner f’Malta u jgħabbi 253 oħra biex jeħodhom lejn Sousse.

    Il-Ħadd 3 ta’ Mejju: Ftit qabel it-3am, il-vapur MV Marina ntalab miċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni ta’ Salvataġġ ta’ Malta (RCC) itella’ abbord 79 immigrant li kienu bejn sema u ilma. Il-vapur irċieva messaġġ biex ibaħħar f’ċertu direzzjoni u jibda ħidma ta’ tiftix u salvataġġ għal dgħajsa tal-injam b’immigranti abbord, li kienu fil-periklu li jitilfu ħajjithom.

    It-Tlieta 5 ta’ Mejju: Il-kaptan tal-vapur MV Marina, filgħodu bagħat imejl urġenti lill-RCC ta’ Malta, fejn iddeskriva s-sitwazzjoni kritika li jinsab fiha l-vapur. Il-kaptan qal li kulma jmur it-tensjoni qed tkompli tiżdied, hekk kif l-immigranti bdew isiru aggressivi ma’ xulxin u ma jobdux lill-membri tal-ekwipaġġ. Barra minn hekk spiċċaw bla ilma. Il-kaptan tal-vapur qal li lanqas m’għandhom biżżejjed ikel għall-24 siegħa li ġejjin. Żied jgħid li sitt immigranti għandhom bżonn l-għajnuna medika. Stqarr li l-vapur m’għandux biżżejjed tagħmir protettiv għall-immigranti. B’kollox hemm 13-il membru tal-ekwipaġġ li m’għandhomx esperjenza fit-tiftix u salvataġġ.

    Il-vapur qed jitlob permess lill-awtoritajiet Maltin biex jidħol Malta, kif kien skedat li jagħmel qabel ma ntalab li jtella’ lill-immigranti abbord.

    Il-kaptan tal-vapur talab għal struzzjonijiet dwar fejn se jwassal lill-immigranti, imma s’issa għadu ma rċieva xejn.

    Malta jew Lampedusa?

    Newsbook.com.mt huwa infurmat li l-vapur baħħar lejn Lampedusa u talab lill-Port ta’ Lampedusa għall-permess biex ikun jista’ jniżżel l-immigranti. Madanakollu Lampedusa rrifjutat u spjegat li jekk l-istruzzjonijiet ingħataw mill-RCC ta’ Malta, l-istess RCC huwa responsabbli.