Ġlied imdemmi quddiem università f’Hong Kong

Barra l-Polytechnic University f’Hong Kong inqalgħet ġlieda mdemmija bejn min qed jipprotesta u l-pulizija. Mijiet ta’ studenti li qed jipprotestaw ma tħallewx joħorġu mill-Università għal jiem sħaħ.

Filmati li xxandru live mill-midja lokali wrew gruppi kbar ta’ dimostranti jippruvaw jiġru, qabel ma nqabdu mill-pulizija ta’ kontra l-irvelli. Ix-xena malajr inbidlet fi vjolenza xokkanti. Il-dimostranti u l-uffiċċjali tal-pulizija spiċċaw f’kobba waħda jagħtu kemm jifilħu. Uħud mill-filmati ġabu jidhru lil xi uffiċjali li bdew jitfgħu lill-istudenti mal-art u jtuhom kemm jifilħu. Infetaħ ukoll il-gass tad-dmugħ.

Skont midja internazzjonali, fuq il-post tqabbad ukoll xi nar.

Għal xi sigħat, il-pulizija ordnat lill-dimostranti li qegħdin fl-università biex jitilqu. Fi stqarrija aktar kmieni dalgħodu, il-pulizija qalet li qed tuża l-inqas forza neċessarja. Fl-istqarrija, il-pulizija talbu lill-dimostranti biex ineħħu l-armi u jitilqu bil-kwiet.

Ħafna mid-dimostranti żammew lura milli jitilqu mill-università minħabba l-biżgħa li jiġu arrestati jew imsawta mill-pulizija. Mhux ċar kemm għad fadal dimostranti fl-università, jew kemm minnhom indarbu. Iżda l-ġlied u l-protesti ilhom għaddejjin aktar minn 24 siegħa.