Ġlied fi Tripli; Appell biex jiġu evakwati r-refuġjati

UNHCR/Tarik Argaz

Il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Magħquda għar-Refuġjati appella biex l-immigranti u r-refuġjati li jinsabu maqbuda fiċ-ċentri tad-detenzjoni fejn bħalissa għaddej il-ġlied fi Tripli jiġu evakwati. Dan wara li kien attakk mill-ajru madwar 100 metru ‘l bogħod miċ-ċentru tad-detenzjoni Tajoura fejn hemm iktar minn 500 refuġjat u immigrant miżmuma.

AQRA: Eluf jaħarbu minn djarhom hekk kif jissokta l-ġlied barra minn Tripli

Matul il-lejl tal-Erbgħa intensfika l-ġlied qrib iċ-ċentru ta’ detenzjoni, b’żewġ persuni kellhom bżonn ta’ assistenza medika wara li ndarbu. Fi stqarrija l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Magħquda għar-Refuġjati spjega li r-refuġjati u l-immigranti jinsabu maqbuda fiċ-ċentru tad-detenzjoni u ma jistgħux jaħarbu lejn post iktar sigur.

AQRA: Tiqliel il-ġlieda għall-ħakma ta’ Tripli; imutu iżjed nies

Il-Kummissarju Għoli saħaq li minħabba l-ġlied fi Tripli dawk li huma responsabbli minn dawn iċ-ċentri għandhom jaraw li l-persuni miżmuma jinħelsu b’mod immedjat u jiċċaqalqu lejn post iktar sigur.

Ir-rappreżentat speċjali tal-UNHCR għall-Mediterran Ċentrali, Vincent Cochetel sostna li f’dan il-punt ir-riskji mhumiex aċċettabbli filwaqt li spjega li l-persuni miżmuma qed jaffaċċjaw periklu imminenti u għaldaqstant għandhom jiġu evakwati b’mod immedjat.

Il-UNHCR irrilokat ‘il fuq minn 1,200 persuna miż-żoni li huma ta’ riskju kbir għall-postijiet iktar siguri. Iżda ftit inqas minn 3,500 refuġjat u immigrant għadhom miżmuma f’ċentri ta’ detenzjoni viċin fejn hemm il-ġlied għaddej.

L-Italja evakwat u rrilokat 146 persuna mil-Libja fid-29 ta’ April.

Il-UNHCR appellat lill-komunità internazzjonali biex joffru l-protezzjoni u l-ħolqien ta’ kurituri umanitarji biex dawn il-persuni jiġu rilokati.