Glen u Sandro fost il-mistiedna llejla waqt The Entertainers

Glen Vella & Sandro

Il-koppja simpatika Glen Vella u Sandro Zammit, il-kantanta Maria Spiteri u ż-żeffiena ta’ Dancel Dance Studio, se jkunu fost il-mistiedna ewlenin fl-edizzjoni tal-lejla ta’ The Entertainers, il-varjetà televiżiva tas-Sibt filgħaxija, li tixxandar fuq Net Television fit-8.30pm.

Minbarra l-mużika live u d-divertiment garantit, l-ingredjenti ewlenin wara s-suċċess tal-programm, ikomplu l-isfidi u l-logħbiet divertenti bejn il-mistiedna li żgur għandhom iqanqlu tbissima fuq it-telespettatri, partikolarment fir-rokna Mhux Ovvja li Jien!

Tkompli wkoll l-ewwel fażi ta’ The Entertainers Singing Challenge bil-parteċipazzjoni ta’ kantanti tfal u anke oħrajn daqsxejn aktar maturi fl-età.

Bi preżentazzjoni tal-kantant u xowman popolari Janvil, The Entertainers iwasslilkom sagħtejn u nofs ta’ spettaklu b’divertiment garantit flimkien mal-band residenti mmexxija minn Mark Spiteri Lucas u bosta artisti mistiedna. Fuq kollox ir-rebħ ta’ rigali kbar u mill-isbaħ.

Attrazzjonijiet oħra jinkludu l-Cocktail Bar ma’ James Aquilina, Fashion Time flimkien ma’ Sharon Buhagiar b’pariri siewja dwar il-moda femminili u bil-parteċipazzjoni ta’ diversi mudelli.