Glen bi programm televiżiv ġdid għat-tfal

Minn għada t-Tnejn 1 ta’ Ġunju, il-kantant Glen Vella se jkun qed jilbes żarbun ġdid, dak ta’ preżentatur għall-programm Kaxxa Daqq.

Glen mhux se jkun waħdu f’din il-produzzjoni ġdida għax matul dan il-programm Lulu Agius se jkun qed iwassal ħafna informazzjoni fuq diversi instrumenti tal-mużika filwaqt li Marilyn Grima se tkun qed tieħu ħsieb ir-rokna tal-krafts.

Kaxxa Daqq se jkun qed jinkludi kompetizzjonijiet filwaqt li se jitħabbar ukoll kif it-tfal mid-dar se jkunu jistgħu jagħtu s-sehem tagħhom.

Il-programm, li għandu ħin ta’ madwar kwarta, se jkun qed jitwassal mit-Tnejn sal-Ġimgħa fil-11.30am fuq TVM.