Ġiżwita jipprova jwaqqaf in-nuqqas ta’ twemmin permezz ta’ sit elettroniku

Mis-sit Credible Catholic

Il-Ġiżwita Fr Robert Spitzer, eks President tal-Università Gonzaga, nieda sit elettroniku modern biex jipprova jwaqqaf il-mewġa qawwija ta’ nuqqas ta’ twemmin frott ta’ soċjetà xettika.

Is-sit elettroniku www.CredibleCatholic.com kien żviluppat mill-Magis Centre li jinsab f’Garden Grove u hu mmexxi mill-istess Ġiżwita. Is-sit joffri 20 module li jistgħu jitniżżlu u jagħtu lil min irid jitgħallem argument msaħħaħ minn evidenza dwar it-twemmin Nisrani.

“Dawn il-modules iwieġbu dubji fundamentali dettati minn metodi xjentifiċi moderni,” jgħid Fr Spitzer. “Pereżempju jien nittratta l-qawmien ta’ Kristu mill-mewt permezz ta’ xhieda, filwaqt li nwieġeb ukoll għal kull passaġġ tal-Iskrittura.”

Kull module jinstab jew f’forma ta’ Power Point animat jew f’forma ta’ dokument fuq tliet livelli: wieħed dettaljat ħafna sa verżjoni aktar ħafifa u b’tagħlim separat.  Is-sit fih ukoll riżorsi interattivi fosthom ‘search engine’ qawwija ħafna biex tfittex kliem u frażijiet importanti u mezz kif tikkuntattja direttament lill-impjegati ta’ Credibel Catholic. Kollox hu bla ħlas.

Il-modules huma bbażati fuq il-kotba ta’ Spitzer imma jinkludu wkoll kontribuzzjonijiet ta’ astrofiżiċi, storiċi, teologi u esperti oħra. Kull module hu marbut ma’ sezzjonijiet speċifiċi tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika u allura faċilment jista’ jintuża biex jissupplimenta l-preparazzjoni għas-sagramenti għal kull studju individwali.