Ġiżwita fil-Honduras mhedded li joqtluh

Is-soċjetà tal-Ġiżwiti kkundannat bil-qawwa kollha t-theddid kontra Patri Ġiżwita fil-Honduras li tkellem dwar diversi rregolaritajiet li kien hemm fl-elezzjonijiet presidenzjali li saru fil-pajjiż dan l-aħħar.
Il-Konferenza tal-Provinċjali tal-Amerika Latina u l-Karibew, fi stqarrija li ħarġet fit-30 ta’ Diċembru qalet li l-ostilità fuq il-midja soċjali, indirizzata lejn Fr Ismael Moreno Coto, magħruf aħjar bħala “Padre Melo”, kienet tixbah it-theddid bil-mewt li kienu ċċirkolaw f'El Salvador qabel ma kien inqatel Ġiżwita ieħor, Fr Rutilio Grande fl-1977.
L-istqarrija ddefendiet ukoll tmien attivisti oħra li jaħdmu fir-reġjun li wkoll kienu mhedda.
Fi tmiem Novembru li għadda saru elezzjonijiet presidenzjali fil-Honduras fejn Juan Orlando Hernandez reġa’ kiseb il-poter wara proċess twil tal-għadd tal-voti li kien imtappan b’ħafna dewmien u problemi tekniċi.
L-istqarrija tal-Ġiżwiti, iffirmata mill-President tal-Konferenza, Fr Roberto Jaramillo, tgħid li l-akkużi kontra Fr Moreno huma “gideb” maħsuba biex ifixklu l-oppożizzjoni paċifika tal-poplu għar-riżultat tal-elezzjoni.
“Dan hu attentat biex tinħoloq il-biża’ fin-nies fi strateġija biex il-poplu ma jkunx immobilizzat. Inżommu lill-President Juan Orlando Hernandez u l-alleati tiegħu responsabbli għas-sigurtà fiżika u morali ta’ Padre Melo u t-tmien persuni l-oħra li qed ikunu akkużati falzament”.
Il-Gvern Amerikan irrikonoxxa r-rebħa ta’ Hernandez minkejja l-ħafna rregolaritajiet li kienu nnutati minn osservaturi internazzjonali u s-sejħiet biex issir elezzjoni oħra.
Fr Moreno ilu ħafna jikkritika lill-President Hernandez u l-klassi tan-negozju fil-pajjiż li huma akkużati b’korruzzjoni u li jagħmlu qliegħ irregolari minn fuq il-konċessjonijiet li jingħataw u l-privatizzazzjoni ta’ azjendi tal-istat.
Il-Gvern hu akkużat ukoll li m'għamel xejn biex iwaqqaf il-qtil ta’ attivisti soċjali u ambjentalisti.
Fl-aħħar tas-sena li għaddiet, dan il-Patri Ġiżwita kiteb fuq Twitter: “Irċivejt akkużi li jpoġġu ħajti f’riskju. Dan hu d-djalogu miftuħ li jitkellem dwaru l-President Hernandez bl-appoġġ tal-ambaxxata Amerikana”.