Ġiżelle ġejja lura

Hekk kif minħabba fis-sitwazzjoni preżenti ta’ bħalissa fejn kulħadd qed ikun imħeġġeġ biex jibqa’ d-dar, l-istazzjonijiet Maltin qed ikollhom bdil fl-iskeda tagħhom u se jkunu qed jirrepetu wħud mis-sensiliet li kienu popolari fis-snin li għaddew.

Aktar kmieni l-istazzjon One ħabbar li bejn April u Ġunju se jkunu qed jitwasslu sensiliet bħal Is-Salib tal-Fidda, Wenzu u Rożi, Il-Klikka u Klassi Għalina.

Apparti minn hekk nhar il-Ħadd li ġej fid-9pm l-istazzjon One se jkun qed iwassal il-musical Ġensna – Ħaġar Qim 1984 bil-cast oriġinali ta’ dan il-musical.

Iżda sensiela oħra li tħabbret u li bla dubju se tkun qed tqanqal ħafna interess hija Ġiżelle li kienet intweriet fl-2006. Nistgħu nħabbru li l-ħsieb huwa li Ġiżelle tibda’ tixxandar mis-Sibt 18 ta’ April. Hu mistenni li jitwasslu żewġ puntata wara xulxin kull nhar ta’ Sibt filgħaxija.

Mario D’amato u Maria Cuschieri

Evelyn Saliba La Rosa, Mark Mifsud, Lara Azzopardi, Anthony Ellul, Carlos Farrugia, Sarah- Lee Zammit, Jolene Micallef, Tiziana Calleja, Vince Micallef Pulè, Simone Zammit, Marcelline Galea, Angela Agius, Inez Farrugia, Kristjana Casha, Laurent Coleiro, Rachel Darmanin Demajo u Andrè Penza huma fost il-protagonisti ta’ din il-ġrajja li kellha kitba ta’ Evelyn Saliba La Rosa, Carlos Debattista, Abigail Mallia u Rachel Cachia.