“Giulio kien dħuli u ħabib ta’ kulħadd” – FAM

Il-Forzi Armati ta’ Malta (FAM) saħqu li Giulio Baldacchino, ta’ 44 sena, li tilef ħajtu lbieraħ f’inċident bil-mutur fi Triq il-Kosta, kien raġel dħuli u ħabib ma’ kulħadd.
F’messaġġ fuq Facebook qalu kif Giulio għamel 25 sena jservi bħala surġent fil-cash escort unit tar-Revenue Security Corps.

Sħabu qalu li l-mewt ta’ Giulio ħasdithom u ħalliethom b’qalbhom sewda u nkwetati dwar il-fatt li minkejja n-numru ta’ inċidenti fatali simili, għadu mhux qed isir biżżejjed sabiex din it-triq u bosta oħrajn ikollhom is-sigurtà kollha meħtieġa.
L-inċident seħħ ilbieraħ għall-ħabta tat-7.45am, x’ħin is-sewwieq mill-Mellieħa, tilef il-kontroll tal-vettura, aktarx wara li laqat barrier.