Ġisem Lassana rilaxxat; se jintbagħat il-Kosta tal-Avorju għad-difna

Read in English.

Disa’ xhur wara l-qtil ta’ Lassana Cisse Souleymane, immigrant li kien qed joqgħod Malta, il-ġisem tiegħu ġie rilaxxat u se jintbagħat il-Kosta tal-Avorju għad-difna, fejn għadha toqgħod il-familja tiegħu, inkluż iż-żewġ uliedu.

Ir-raġel ta’ 42 sena nqatel fis-6 t’April fi triqtu lejn iċ-Ċentru tal-Immigranti f’Ħal Far. Żewġ eks suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta, Lorin Scicluna ta’ 22 sena u Francesco Fenech ta’ 21 sena, qed jiġu akkużati bil-qtil, għal raġunijiet razzjali. Huma akkużati wkoll li ppruvaw joqtlu żewġ irġiel oħra, mexjin fl-istess triq li kien fiha Lassana, f’hit and run. Dawn iż-żewġ immigranti rnexxielhom isalvaw.

Scicluna u Fenech bħalissa huma qed jaffaċċjaw ġuri, iżda jinsabu meħlusin mill-arrest.

Il-Qorti ilha li tat permess li jiġi rilaxxat ġisem il-vittma minn Lulju, iżda għal xi raġuni, dan inżamm fil-Kamra Mortwarja għal 6 xhur. Skont it-Times of Malta, issa se jintbagħat.

Ilbieraħ, il-Maġistrat Ian Farrugia ħareġ digriet biex l-arma li qatlet lil Lassana tintbagħat l-Olanda biex isirulha xi testijiet ballistiċi.

L-għaqda SOS Malta, f’isem il-komunità ta’ NGOs Maltija u għadd ta’ individwi, qed tappella lill-pubbliku sabiex jagħti donazzjoni ħalli jiġi assigurat li l-familja ta’ Lassana Cisse Souleymane, l-immigrant li nqatel f’Ħal Far, tingħata s-sapport kollu li għandha bżonn. L-Arċisqof Charles Scicluna ta nofs id-donazzjonijiet ta’ kunċert bl-isem ta’ ‘Archbishop’s Charity Concert’ lill-familja wkoll.