Ġirja għall-familja kollha b’risq l-OASI

Nhar il-Ħadd li ġej, il-Fondazzjoni OASI se torganizza ġirja u mixja fir-Rabat, Għawdex.
Dan bil-għan li jiġi promoss stil ta’ ħajja tajjeb għas-saħħa u eżerċizzju fiżiku, filwaqt li jinġabru l-fondi.
Il-fondazzjoni OASI, għalkemm hija bbażata f’Għawdex, toffri għajnuna, fuq livell nazzjonali, lill-vittmi ta’ xi vizzju, l-aktar tad-droga u l-alkoħol.
L-attività se tibda minn Triq ir-Repubblika fir-Rabat, Għawdex fid-9am b’ġirja ta’ 10km għall-adulti u ġirja oħra għat-tfal ta’ bejn 9 u 15-il sena. Għal dawk li jixtiequ jipparteċipaw mingħajr ma jiġru jistgħu jagħmlu dan billi jieħdu sehem f’mixja li se ssir apposta.
Se jiġi organizzat ukoll trasport b’xejn għall-Maltin li jixtiequ jieħdu sehem.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur il-websajt tal-OASI fuq: www.oasi.org.mt, billi jaċċessa l-paġna tal-OASI fuq Facebook jew billi jċempel fuq 21563333.