Ġirien jispiċċaw il-Qorti minħabba l-klieb

Koppja u mara, ġirien, spiċċaw il-Qorti wara li l-koppja allegaw li l-mara qed żżomm il-klieb tan-nies bħala mezz ta’ negozju illegali. Il-mara fi protest ġudizzjarju ppreżentat id-dokumenti li juru li hija tista’ tagħmel dan.

Il-koppja qalu li l-mara qed iżżomm dawn il-klieb f’terran f’Santa Venera u huma jridu joqogħdu jisimgħu l-inbigħ tal-klieb kif ukoll ixommu rwejjaħ mhux pjaċevoli.

Fit-tweġiba tagħha l-mara qalet li l-klieb li żżomm huma maħbuba u jiġu ttrattati bħala parti mill-familja. Rigward l-irwejjaħ il-mara qalet li l-klieb jinżammu f’kundizjonijiet eċċelenti u qalet li d-Direttorat tal-Ħarsien tal-annimali għamel spezzjoni fil-post.

Hija ppreżentat iċ-ċertifikat maħruġ f’Diċembru tal-2018 mid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali fejn juri li l-annimali nstabu kollha f’kunizzjonijiet tajba ħafna u kemm ġewwa kif ukoll il-bejt kienu miżmuma ndaf u mingħajr riħa.

Il-mara qalet li dak li qed jallegaw il-koppja huwa gidba. Hija żiedet li fil-liġi m’hemmx miktub li biex persuna żżomm il-klieb tan-nies għandha bżonn xi permess. Kompliet li se żżomm lill-ġirien responsabbli u rriservat id-dritt li tieħu iktar azzjonijiet legali.