Giovanna Chirri – il-ġurnalista li tat l-aħbar tar-riżenja tal-Papa Benedittu

Giovanna Chirri – l-ewwel ġurnalista li xandret l-aħbar li l-Papa Benedittu se jċedi postu.

Giovanna hi ġurnalista mal-aġenzija Taljana tal-aħbarijiet ANSA u taħdem mill-Vatikan stess.

L-Erbgħa filgħodu 11 ta’ Frar, kienet qiegħda fil-Vatikan, fil-kamra riservata għall-mezzi tax-xandir biex tisma’ lill-Papa Benedittu jindirizza l-Konċistorju iddedikat lill-martri ta’ Otranto.

Kien dak il-ħin, li l-ġurnalista semgħet lill-Papa jgħid bil-Latin li ħa d-deċiżjoni li fit-28 ta’ Frar li ġej itemm il-Pontifikat tiegħu. Wara li reġgħet semgħet kliem il-Papa, Giovanna Chirri ħarġet l-aħbar li f’temp ta’ ftit sekondi ġriet mal-erbat irjieħ tad-dinja.

Fuq twitter il-ġurnalista kitbet li ma setgħetx temmen dak li semgħet.

Aġenziji tal-aħbarijiet bħal ma’ huma Reuters, Cnn, Arabiya, France Presse, Telegraph, Bbc u Sky News xandru l-aħbar qabel ma ħarġet il-konferma uffiċjali tal-Vatikan.