“Giorgia Mae qamet ħerqana għall-ewwel jum tal-iskola” – Lydia Abela

Facebook

Giorgia Mae Abela, it-tifla tal-Prim Ministru Robert Abela, dalgħodu rritornat l-iskola u kienet ħerqana biex tiltaqa’ mal-ħbieb tagħha mill-ġdid wara sitt xhur.

Dan qalitu omm Giorgia Mae, Lydia, fuq Facebook.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal aktar minn darba li hu u martu ddeċidew li minkejja l-imxija tal-coronavirus, l-aħjar ħaġa għal binthom tkun li tmur lura l-iskola. Huwa sostna kemm-il darba li jemmen fil-preżenza fiżika tat-tfal fil-klassi. Qal li l-agħar ħaġa tkun li tintilef ġenerazzjoni, saħansitra agħar mill-virus innifsu.

Lydia Abela qalet li billi bintha ilha nieqsa mill-iskola għal sitt xhur, minn meta l-iskejjel għalqu f’Marzu għax faqqgħet il-pandemija, Giorgia Mae ħerqana biex tkompli bl-esperjenza tat-tagħlim tagħha.

Dalgħodu Giorgia Mae qamet ħerqana għall-ewwel jum ta’ sena skolastika ġdida.Bħat-tfal kollha ta’ Malta u Għawdex,…

Posted by Lydia Abela on Monday, September 28, 2020

Xi skejjel indipendenti fetħu l-bibien tagħhom illum, filwaqt li l-ftuħ tal-iskejjel tal-Gvern u tal-Knisja ġie pospost għall-istudenti. L-għalliema, iżda, irritornaw għax-xogħol illum anke fl-iskejjel tal-Gvern u tal-Knisja.

Il-UPE qalet li ħafna għalliema ddeskrivew is-sitwazzjoni fl-iskejjel tal-Gvern bħala waħda ta’ paniku billi dawn għadhom mhumiex preparati skont il-protokolli tal-awtoritajiet tas-saħħa.