Giorgia Borg tirringrazzja u tħares ‘il quddiem; Attitudni pożittiva mill-kantanta ta’ 10 snin

Ritratt: Facebook

Attitudni pożittiva ferm mill-kantanta ta’ 10 snin Giorgia Borg li lbieraħ filgħaxija tat il-wirja tagħha fit-tieni semifinali tal-kompetizzjoni televiżivia Britain’s Got Talent hekk kif kantat il-kanzunetta Be Free.

Minkejja l-kliem ta’ tifħir mill-erba’ membri tal-ġurija li qamu bil-wieqfa wara li tat l-interprtazzjoni stupenda tagħha, Giorgia Borg ma rnexxiliex twassal sal-finali tal-Ħadd li ġej.

Id-diżapprovazzjoni fis-sala kienet tinħass sew meta twassal il-verdett u ovvjament anki Giorgia kienet diżappuntata.

Iżda ftit sigħat ħin wara li spiċċat il-kompetizzjoni Giorgia rrikorriet għall-mezzi soċjali fejn saħqet li għalkemm ma waslitx sal-finali, hija se tibqa’ tgħożż dan il-mument f’ħajjitha u rringrazzjat lit-tim tagħha kif ukoll lil dawk kollha li kienu qed isegwuha f’din l-avventura u dawk li marru fuqha fil-Hammersmith Apollo, it-teatru fejn qed isiru dawn is-semifinali. Attitudni pożittiva li wkoll ġiet innuttata.

Ma naqasx il-kliem ta’ inkoraġġament mill-Maltin li segwewha f’din l-avventura, fosthom anki minn Ivan Grech li ddeskriva lil din il-kantanta żgħira bħala rebbieħa.

Fiż-żewġ fażijiet tal-kompetizzjoni ta’ Britain’s Got Talent, Giorgia Borg għażlet li tikkompeti b’kanzunetta oriġinali, u dan il-fatt li huwa wkoll xi ftit riskjuż, ġie nnuttat u mfaħħar.

Hawnhekk il-wirja li Giorgia tat ilbieraħ waqt it-tieni semifinali ta’ Britain’s Got Talent:

Britain’s Got Talent ikompli sa nhar il-Ġimgħa meta jkomplu jintgħażlu aktar artisti għall-finali tal-Ħadd, iżda issa ħafna Maltin f’dan l-istadju ma jkunux qed isegwuh b’daqshekk entużjażmu.

Borg ilbieraħ kienet it-tieni artista Maltija li kienet qed tidher matul din il-ġimgħa wara li nhar it-Tnejn kien hemm fuq il-palk Hollie Cassar, illum Hollie Riseley, li kienet qed tiżfen mal-kumplament tal-kast tal-musical On Your Feet li se jkun qed idur ir-Renju Unit mix-xahar id-dieħel.

https://www.youtube.com/watch?v=rbjvh42LxHg