Ġimgħat jistennew ċertifikat għal xogħol volontarju

Għaqdiet mhux governattivi kellhom jistennew ġimgħat sħaħ biex jingħataw n-numru tar-reġistrazzjoni mill-Kunsill Malti għall-Kwalifiki (MQC) biex studenti li jagħmlu xogħol magħhom ikunu jistgħu jingħataw ċertifikat ta' parteċipazzjoni. 

Persuna responsabbli minn għaqda volontarja qal li kellu jdum ġimgħat sħaħ jipprova jikkuntattja lill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (NCFHE) biex seta’ jimla l-applikazzjonijiet ta’ studenti li għamlu xogħol volontarju fi ħdan l-għaqda tagħhom.

Ma' Newsbook.com.mt, spjega kif kemm-il darba pprova jibgħat imejl fuq ncfhe@gov.mt u jirċievi risposta lura li l-mailbox mimlija, u meta ċempel fuq 27540051 il-linja kienet dejjem okkupata. Qal li dan minkejja li fl-ewwel imejl li bagħtulu infurmawh li s-sottomissjoni tiegħu se tiġi approvata f’qasir żmien u biex jekk ma jirċevix konferma fi ftit jiem, jerġa’ jikkuntattjahom.

Sostna li t-telefown baqa’ l-istess u l-imejls baqgħu jiġuh lura sakemm wara tliet ġimgħat irnexxielu jaqbad l-uffiċċju u tawh kuntatt ta’ persuna. Żied jgħid li minkejja dan għaddew ħmistax u baqa’ ma sema’ xejn minkejja li pprovdilha anke l-kuntatt tiegħu.

Għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, kelliem għall-Ministeru għall-Edukazzjoni qal li l-perjodu ta’ żmien biex jingħata n-numru jiddependi mill-volum ta’ reġistrazzjonijiet li tirċievi l-NCFHE. Żied jgħid li bħala medja n-numru ta’ reġistrazzjoni jinħareġ fi żmien tlieta jew erba’ ġimgħat. Qal li ċ-ċertifikati jintbagħtu bil-posta aktar tard u li qed jerġgħu jiġu stampati.

Bħalissa hemm 1,200 entità li għandhom numru tal-MQC, u minn ġimgħa għal ġimgħa l-NCFHE qed tirċievi aktar talbiet b’rata aktar mgħaġġla.
 
L-NCFHE ma żżomx rekord ta’ kemm huma l-istudenti li jagħmlu użu mis-servizzi ta’ min ikun irreġistrat. Minflok dawn jinżammu mill-iskejjel rispettivi meta t-tfal jirreġistraw l-attivitajiet li jkunu għamlu fiċ-Ċertifikat tat-Tmiem tal-Iskola.