Ġimgħa talb għall-għaqda fost l-Insara

Mil-lum sa nhar il-Ħadd 25 ta’ Jannar, qed tiġi ċċelebrata l-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara.
Din il-ġimgħa ta’ talb issir kull sena bil-għan li l-Insara ta’ knejjes differenti jinsew il-firdiet u jersqu aktar lejn xulxin.
It-tema magħżula għal din is-sena hi: “Agħtini nixrob’, qalilha Ġesù.” Din il-frażi, meħuda mill-Evenġelju ta’ San Ġwann, hija parti mir-rakkont ta’ meta Ġesù ltaqa’ mal-mara Samaritana li kienet qed timla’ l-ilma mil-bir.
Nhar il-Ħamis 22 ta’ Jannar, fis-6:30pm, l-Amministratur Appostoliku, l-Isqof Charles Scicluna se jmexxi Servizz Ekumeniku flimkien mal-Kunsill Ekumeniku fil-Knisja tal-Patrijiet Kappuċini fil-Furjana.
Stqarrija maħruġa mill-Arċidjoċesi tħeġġeġ lill-Insara jingħaqdu mal-Knisja fit-talb u anke jattendu għas-Servizz Ekumeniku.