Ġimgħa oħra ssir l-elezzjoni għas-siġġu ta’ Edward Scicluna

Aġġornat 04:22 PM

Read in English.

Il-ġimgħa d-dieħla se ssir l-elezzjoni każwali għas-siġġu parlamentari fuq is-seba’ distrett. Dan is-siġġu tbattal mill-eks Ministru Edward Scicluna, li rriżenja mill-Parlament biex jibda jokkupa l-kariga ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali.

Fl-aħħar elezzjoni, il-kandidati li ġabu l-ogħla numru ta’ voti wara dawk li diġà ġew eletti kienu Charles Azzopardi b’2,179 vot, Gavin Gulia b’1,569 vot u Jeffrey Pullicino Orlando b’1,040 vot.

Jeffrey Pullicino Orlando diġà wera l-intenzjoni li jikkontesta f’din l-elezzjoni, u stqarr ma’ Newsbook.com.mt li kien qed jiġi inkoraġġut jikkontesta. Gavin Gulia ġimgħa ilu qal lil Newsbook.com.mt li jistenna biex jiddeċiedi sakemm tissejjaħ elezzjoni.

Il-kandidat prospettiv l-ieħor, l-eks Sindku tar-Rabat Charles Azzopardi, ma kienx tħalla jikkontesta l-elezzjonijiet lokali tal-2019 f’isem il-Partit Laburista, minħabba allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni meta kien Sindku. Madankollu, il-Partit Laburista ma jistax iwaqqaf lil Azzopardi milli jitfa’ n-nomina tiegħu biex jieħu s-siġġu ta’ Prof. Edward Scicluna u jekk jitla’, jista’ jsib postu mad-deputati parlamentari indipendenti.

Meta Newsbook.com.mt ipprova jikkuntattjah ġimgħa ilu, dan ma wiġibx.

L-elezzjoni se ssir nhar it-Tlieta, 12 ta’ Jannar fit-8.30am. Dawk il-kandidati li kkontestaw is-Seba’ Distrett Elettorali fl-Elezzjoni Ġenerali ta’ Ġunju, 2017, u li ma ġewx eletti iżda għandhom il-kwalifiki meħtieġa biex jiġu eletti, jistgħu jippreżentaw in-nomina tagħhom kuljum mit-Tlieta 5 sas-Sibt 9 ta’ Jannar, 2021, fl-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali f’Evans Building, Triq il-Merkanti, il-Belt Valletta, bejn id-9:00 am u nofsinhar.