​Ġimgħa mimlija gowls u rebħiet importanti

Fil-logħbiet kollha li kellna matul din il-ġimgħa, ġew skurjati ħafna gowls u rajna timijiet bħal Swieqi u Sliema li saħħew posthom fil-kampjonat.
Swieqi kellhom wirja brillanti, fir-rebħa li kellhom fuq Msida bl-iskor ta’ 6-2. Wara kwarta logħob, frikik dirett għal Swieqi li ġie mgħoti tajjeb minn Gabor Balan li fetaħ l-iskor. Diego Gomes de Mello rdoppja l-iskor din id-darba minn kick mit-tieni penalty spot.
Msida naqsu l-iskor permezz ta’ Ryan Xuereb. Ftit tal-ħin wara Swieqi reġa’ kellhom kick mit-tieni penalty spot, iżda din id-darba Boicho Marev ġie mċaħħad mill-gowlkiper Misidjan Ivan Cassar.
Fil-bidu tat-tieni taqsima Herbert Spiteri ġab id-dro għall-Imsida.
Dan kien mument pożittiv għal Msida SJ, fejn ġew mgħotija wkoll penalti. Għaldaqstant il-gowlkiper ta’ Swieqi Keith Cassar Jackson laqa’ u ċaħħad lil Paulo Mendes da Silva milli jpoġġi lit-tim tiegħu fil-vantaġġ.
Minn hawn Swieqi reġgħu ħadu l-kmand tal-logħba u Omar Toutoungi reġa’ poġġihom fil-vantaġġ. Ftit minuti wara, Msida SJ tilfu ċ-ċans li jġibu d-dro u jerġgħu jidħlu fil-logħba, meta Matthew Dingli laqat il-lasta.
Fl-aħħar ħames minuti l-Misidjani tefgħu kollox fuq l-attakk b’Matthew Dingli bħala flying keeper. Swieqi ssiġillaw din ir-rebħa importanti b’gowl ta’ Diego Gomez de Mello u żewġ gowls ta’ Boicho Marev.
F’logħba oħra mill-aktar missielta, Sliema Wanderers għelbu lill-Imqabba bl-iskor ta’ 5-3.
Fil-bidu l-Wanderers kienu superjuri iżda l-Imqabbin wettqu reazzjoni tajba ħafna. Fil-fatt kienu Mqabba li fetħu l-iskor meta Borja Lopez Fernandez rċieva l-ballun minn korner u tefa’ l-ballun fix-xibka.
Minn naħa l-oħra Aleksander Ribic li kien żmarkat fil-penalty area, b’xutt b’saħħtu u mill-viċin skurja l-gowl tad-dro.
Mqabba fallew kick minn fuq it-tieni penalty spot, meta Etienne Rodo laqat il-lasta. Mqabba reġa’ kellhom kick minn fuq it-tieni penalty spot u li ġie skurjat għal darb’oħra minn Borja Lopez Fernandez.
Fit-tieni taqsima s-Slimiżi ħadu l-kontroll tas-sitwazzjoni u Ribic skurja tliet gowls oħra u falla kick minn fuq it-tieni penalty spot.
Żewġ minuti mit-tmiem Miguel Alcaraz naqqas l-iskor għall-Imqabba.
Fl-aħħar minuta Ribic reġa’ falla kick minn fuq it-tieni penalty spot, b’salvataġġ mill-aqwa tal-gowlkiper avversarju Malcom Schembri.
Fl-aħħar sittax-il sekonda Frankie Xerri skurja l-gowl finali, għal darb’oħra minn kick fuq it-tieni penalty spot.
F’aktar riżultati kellna lil Zebbug Rangers li għelbu lil Qrendi bl-iskor ta’ 9-8, Luxol li kaxkru lil Gozo bl-iskor ta’ 24-0 u Lija li għelbu lil Sirens bl-iskor ta’ 9-2. Kellna wkoll rebħiet konvincenti għal Hamrun Spartans li għelbu lil Mdina Knights bl-iskor ta’ 18-2 u Valletta li għelbu lil Marsaskala bl-iskor ta’ 13-0.
Fl-aħħar nett nagħtu ħarsa lejn il-klassifika fejn Luxol jibqgħu waħedhom fil-quċċata b’27 punt, segwiti minn Hamrun Spartans b’25 punt u Valletta bi 22 punt. Bir-rebħa li kellhom Swieqi laħqu lil Lija Athletic b’21 punt. Msida baqgħu b’16-il punt, filwaqt li Sliema Wanderers ġew bi 12-il punt bħal Zebbug Rangers. Sirens għandhom 10 punti, filwaqt li Mqabba, Mdina Knights u Marsaskala għandhom sitt punti. Fin-naħa t’isfel Qrendi għandhom tliet punti u Gozo jibqgħu bla punti.

Ritratt: Joe Borg