Il-lista vverifikata minn rappreżentanti ta’ fehmiet differenti – Zammit Dimech

Il-President tal-Kummissjoni Elettorali tal-PN Dr Francis Zammit Dimech qal li l-lista tal-votani eleġibbli li jivvutaw fil-vot li se jittieħed nhar is-Sibt li ġej fil-Kunsill Ġenerali kienet ivverifikata minn rappreżentanti ta’ fehmiet differenti dwar il-mistoqsija li se titpoġġa għall-vot dwar il-futur tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.

Ġimgħa qabel jittieħed vot dwar il-futur tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, il-firmatarji tal-petizzjoni li xprunat is-sejħa ta’ Kunsill Ġenerali allegaw manuvri fil-vot u għadhom bla lista sħiħa tal-kunsilliera eliġibbli għall-vot. Saħqu li huwa ċar għalihom li “dan qed isir apposta biex jagħmilha diffiċli ferm għalina, jekk mhux impossibbli”, biex jikkomunikaw mal-kunsilliera.

Min-naħa tiegħu, Zammit Dimech fisser kif il-proċess tal-verifika kien wieħed metikoluż ingħalaq b’mod definittiv nhar il-Ġimgħa 19 ta’ Lulju 2019 u hija dik valida sad-data tal-4 ta’ Lulju 2019 meta issejjaħ l-istess Kunsill Ġenerali.

Fisser kif il-Kummissjoni Elettorali m’għandha ebda dritt tikkontesta kif il-kumitati sezzjonali tal-partit f’Malta u Għawdex ikunu għażlu l-kunsillieri biex jirrappreżentaw id-diversi bliet u rħula fl-istess Kunsill Ġenerali, sakemm dejjem saru skont l-Istatut u ma saru l-ebda tibdiliet wara d-data tal-4 ta’ Lulju.

Ma tawnix lista sħiħa biex ma nikkomunikawx mal-Kunsilliera – firmatarji tal-petizzjoni

Dwar dan il-vot ta’ fiduċja f’Delia li se jsir nhar is-Sibt fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista huma qalu li l-lista li rċevew għad għandha numru ta’ lokalitajiet nieqsa u b’hekk mhix sħiħa. Qalu li hija wkoll nieqsa min-numru tal-identità ta’ kull votant.

Allegaw ukoll li d-data hija waħda antika u mhux aġġornata mar-reġistru elettorali, fejn nies li bidlu l-indirizz tagħhom snin twal ilu, jidhru għadhom reġistrati fuq l-indirizz l-antik.

F’każ minnhom, jgħidu li kunsillier qalulu li m’għadux tesserat meta fil-fatt, għandu tessera mħallsa għal għomru.

Huma bagħtu l-istqarrija tagħhom lill-midja ftit wara li Delia temm id-diskors tiegħu fuq il-midja tal-Partit Nazzjonalista.

AQRA: “Mhux se ndur fuq il-mezzi tax-xandir biex il-Kunsilliera jivvutawli” – Delia

Terz tal-Kunsilliera nbiddlu minn meta Delia sar Kap

Qalu li minkejja dawn id-diffikultajiet, irriżultalhom li fl-aħħar sena u nofs biss, minn wara li Adrian Delia sar Kap tal-Partit, tbiddlu madwar 500 kunsiller minn total ta’ 1530. Dan ifisser li tbiddlu xejn anqas minn 33% ta’ dawn li jistgħu jivvutaw. Bla dubju dan ser ikollu impatt sostanzjali fuq ir-riżultat ta’ din il-votazzjoni.

Qalu li fost dan it-tibdil hemm tibdil li jqajjem suspett jew li huwa inġust.

Bosta kunsilliera li tneħħew, lanqas biss ġew infurmati li tneħħew. Dawn kienu ilhom snin twal attivisti tal-partit u għamlu sagrifiċċji kbar għall-partit. Żvelaw ukoll li dawn tneħħew biex flokhom iddaħħlu nies bħal Julian Micallef, persuna tal-fiduċja ta’ Adrian Delia li din il-ġimgħa ġie żvelat f’dikjarazzjoni ta’ attivist tal-PN li huwa l-id moħbija wara numru ta’ fake profiles li ntużaw fl-aħħar sentejn biex jattakkaw Deputati u saħansitra l-eks Kap tal-Partit Simon Busuttil.

Temmew jgħidu li dan it-taħwid fil-lista ta’ kunsilliera ma jawgura xejn tajjeb għall-andament tal-votazzjoni u jirrifletti ħażin ferm fuq il-Partit innifsu. Dawn il-manuvri jġibu biss ħsara u firda.

“Il-votazzjoni fil-Kunsill Ġenerali qed titmexxa b’regoli stabbiliti mill-Istatut tal-partit” – PN

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista sostna li l-votazzjoni fil-Kunsill Ġenerali qed titmexxa b’regoli stabbiliti mill-Istatut tal-partit. Qal ukoll li l-Kummissjoni Elettorali indipendenti li qed tmexxi l-proċess tal-votazzjoni fil-Kunsill Ġenerali hija komposta minn membri li qed jirrapreżentaw kemm l-‘iva’ u l-‘le’ fuq il-mistoqsija dwar Adrian Delia.

Il-partit sostna li l-ħolqien ta’ teoriji ta’ komplott u t-tixrid ta’ allegazzjonijiet mingħajr bażi jservu biss bie xjimminaw proċess demokratiku skont l-Istatut tal-partit u biex joħolqu tensjoni żejda. Qal li l-verifika tal-lista ta’ dawk eliġibbli għall-vot fil-Kunsill Ġenerali qed isseħħ mill-Kummissjoni Elettorali bl-aktar mod rigoruż. Qal li l-membri tal-Kummissjoni skrutinizzaw u daru l-lista sħiħa vot vot u lbieraħ lestew lista finali ta’ votanti. Il-partit qal li llum stess il-lista kienet għand ir-rappreżentanti tal-‘le’ għall-iskrutinju tagħhom. Intant il-Kummissjoni qed tagħti ċans li min irid iressaq xi oġġezzjoni, jressaqha sa nhar it-Tlieta li ġej f’nofsinhar.