“Ġimgħa importanti għall-Partit Laburista” – Muscat

Read in English.

Din il-ġimgħa hija ġimgħa importanti ħafna għall-Partit Laburista hekk kif ħa jagħżel “li jibqa’ miexi ‘l quddiem”. Dan qalu l-Prim Ministru Joseph Muscat waqt kollegament telefoniku fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista One Radio.

Muscat irrimarka li hu jinsab moħħu mistrieħ għax jaf li ż-żewġ persuni li qed jikkontestaw għall-irwol ta’ mexxej, Robert Abela u Chris Fearne, għandhom f’moħħhom li jibqgħu jmexxu lill-pajjiż ‘il quddiem. Malli jiġi elett mexxej ġdid, Muscat mistenni jwarrab mill-irwol tiegħu.

Muscat saħaq l-importanza li dawk intitolati għall-vot, nhar is-Sibt li ġej imorru u jivvutaw. Muscat esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dawk li wrew fiduċja fih wara stħarriġ xjentifiku li ġie ppublikat illum stess.

Hu spjega li fl-aħħar seba’ snin il-pajjiż għamel trasformazzjoni kbira. Qal li minn pajjiż li kellu djun kbar u kien jagħme deficits, b’nies jirreġistraw għax-xogħol, issa l-pajjiż jista’ jgħid li qaleb għall-aħjar. Sostna li dan kollu seta’ jsir għax il-Partit Laburista għadda minn trasformazzjoni 11-il sena ilu.

Muscat sostna kif il-poplu Malti u Għawdxi, fl-aħħar ġimgħat, seta’ kellu kull skuża biex jabbanduna lill-Partit Laburista. Qal li dan seħħ għaliex jaraw li l-Partit Laburista u l-Gvern kurrenti bħala l-aħjar għażla. Qal ukoll li n-nies ma jiġġudikawx fuq ħaġa waħda, ġimgħa waħda, jew perjodu ta’ żmien. Irrimarka li ma hemmx alternattiva għall-Partit Laburista.

Hu temm jgħid li l-għan ewlien tiegħu hu li jkun wara l-mexxej il-ġdid biex jgħin fejn hemm bżonn u anke jwarrab fejn hemm bżonn sabiex jassigura li l-pajjiż ikompli miexi ‘l quddiem.

It-trasformazzjoni ta’ Muscat hija t-tkissir tal-ħarsien tas-saltna tad-dritt – PN

Fi stqarrija b’reazzjoni għad-diskors ta’ Muscat, il-Partit Nazzjonalista sostna li t-trasformazzjoni ta’ Muscat hija li l-poteri ma ħallihomx aktar għand in-nies imma ħadhom hu kollha taħt idejh. Qal li b’dan l-aġir ġab il-kundanna tal-istituzzjonijiet Ewropej internazzjonali.

Il-PN sostna li trasformazzjoni oħra li ġab Joseph Muscat hija t-tkissir tar-reputazzjoni tal-pajjiż li kienet waħda tajba iżda llum għadha fir-riskju li tiġi blacklisted minħabba l-aġir tal-Gvern Laburista, u dan b’theddida għax-xogħlijiet f’setturi ferm importanti bħas-settur finanzjarju, is-settur bankarju u l-gaming.

Intant qal ukoll li l-ikbar trasformazzjoni li ġab il-Gvern Laburista ta’ Joseph Muscat hija li għall-ewwel darba fl-istorja tal-pajjiż l-uffiċċju tal-Prim Ministru huwa investigat bl-involviment f’assassinju, dak tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.