Ġimgħa ilu spiċċat it-Tazza tad-Dinja imma r-rekords jibqgħu hemm

Għaddiet ġimgħa mill-finali tat-Tazza tad-Dinja, li rat lil Ġermanja jirbħu din it-tazza prestiġjuża għar-raba’ darba.
L-edizzjoni ta’ din is-sena kienet waħda li ma tintesiex u tniżżlet fil-Guinness Book of Records.
Rajna lil Miroslav Klose li b’16-il gowl sar l-iktar plejer li skurja fl-edizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja.
Klose skurja f’erba’ edizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja bħall-Ġermaniż Uwe Seeler u l-Brażiljan Pelé.
Il-Ġermaniżi waslu tmien darbiet fil-finali u rebħu nofshom, biex b’hekk huma l-aktar tim li wasal fil-finali.
Sal-finali li għaddiet, il-Ġermanja skurjaw 224 gowl fl-edizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja.
Il-Ġermaniż Toni Kroos skurja żewġ gowls fl-iqsar ħin, f’69 sekonda.
Il-gowlkiper tal-Istati Uniti Tim Howard fil-logħba kontra l-Belġju, b’16-il salvataġġ sar l-iktar gowlkiper li salva f’logħba waħda.
Il-Brażil li ħadu sehem għoxrin darba, huwa l-aktar tim li ħa sehem fl-edizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja.
Iżda f’din l-edizzjoni, il-Brażil sar l-iktar tim li tilef b’marġni ta’ gowls meta fis-semifinali tilfu bl-iskor ta’ 7-1 kontra l-Ġermanja.
Il-gowlkiper Kolumbjan Faryd Mondragón sar l-ixjeħ plejer li ħa sehem, fl-eta ta’ 43 sena u tliet ijiem.
Ġew skurjati 171 gowl, daqskemm ġew skurjati fl-edizzjoni li kienet saret fi Franza fl-1998.
Matul it-Tazza tad-Dinja fuq Facebook kien hemm biljun post.
Waqt il-finali, fuq Twitter, kien hemm 618,725 tweet fil-minuta.
Il-Ġermanja u l-Arġentina huma l-aktar żewġ timijiet li rebħu bl-għoti tal-penalties, meta kellhom erba’ rebħiet.
Il-Messikan Rafael Marquez għandu r-rekord li kien captain f’erba’ edizzjonijiet.
L-iktar awtogowl li ġie skurjat kmieni kien ta’ Sead Kolisinac tal-Bożnija Ħerżegovina, wara żewġ minuti u tmien sekondi.
L-Olanda kien l-uniku tim li lagħab it-23 plejer kollha fl-iskwadra.
Fuq kollox kienet l-ewwel edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja li ntużat it-teknoloġija tal-linja tal-gowl u l-famuż spray li jitlaq wara minuta.