Ġifen artistiku magħmul mill-filugranu ser jingħata b’donazzjoni għall-Istrina

Ġifen artistiku magħmul mill-filugran
Ritratt: MEI

Il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri żar esebizzjoni bit-tema ‘Qlugħ’, esebizzjoni li tiffoka fuq xogħol artiġjanali li sar mill-filugranu bl-akbar reqqa min artisti Maltin.

Waqt żjara fis-Suq tal-Belt, fejn qed tittella’ l-esebizzjoni, kien spjegat li t-tema ‘Qlugħ’ hija simbolika għaliex tirrifletti l-ħruġ mis-sitwazzjoni diffiċli li ġabet magħha l-pandemija.

Il-Ministru Schembri faħħar l-inizjattiva tal-artisti li użaw il-perjodu tal-pandemija sabiex jagħtu spinta b’saħħitha lix-xogħol artiġjanali bi ħsieb innovattiv li jitfa’ dawl fuq it-talent lokali tal-artisti f’dan il-qasam.

‘Hija xi ħaġa impressjonanti li l-artisti adattaw u kienu flessibbli tant li kienu bosta li bdew jipproduċu prodotti ġodda u dan għax użaw il-ħin li kellhom f’idejhom kawża tal-għeluq sabiex jitfgħu ħarsthom fuq interessi li kellhom iżda qatt ma kellhom iċ-ċans li jesplorawh. Hawnhekk inħeġġeġ għalhekk lill-poplu Malti u Għawdxi sabiex dan il-Milied jippremjaw it-talent tal-artisti artiġjanali Maltin u jixtru prodotti magħmula minn artisti Maltin. Il-ħsieb tagħna bħala Gvern huwa li nkomplu nixprunaw il-prodott artistiku Malti kemm fuq pjattaformi lokali u internazzjonali. Iktar minn hekk, li ninkoraġixxu żgħażagħ iħarsu lejn l-intraprenditorjal tas-snajja. Għalhekk il-proġett tal-Crafts’ Village f’Ta’ Qali, li jinsab fi stadju avvanzat, se jkun ċentru għall-innovazzjoni artiġjanali’, qal il-Ministru Schembri.

Ħames artisti fl-artiġjanat ikkollaboraw flimkien biex itellgħu din l-esebizzjoni innovattiva b’elementi tradizzjonali magħmula mill-filugranu inkorporat fil-ġojjellerija u disinnji oħra li jżewwġu flimkien l-aspett tradizzjonalment Malti u dak modern.

Kevin Attard, Warren Giordano, Eric Attard, Mark Borg, u Alan Busuttil spjegaw kif iż-żmien tal-pandemija kienet ta’ opportunità biex jitfgħu ħarsthom fuq interessi li kellhom fl-artiġjanat u jipproduċu prodotti bil-għan li jerġgħu jqajmu l-interess u l-popolarità tal-użu tal-filugranu kif ukoll li jinkoraġixxu n-nies jixtru prodotti lokali.

Fil-qofol ta’ din l-esebizzjoni hemm ġifen artistiku magħmul kompletament mill-filugranu b’tul ta’ metru u jiżen 2.8 kg. Xogħol magħmul b’reqqa liema bħala li sar bis-sehem ta’ 21 artist taħt is-superviżjoni taż-żewġ artisti Kevin Attard u Alan Busuttil. Ix-xogħol kien maqsum b’reqqa li għen sabiex il-prodott finali ikun wieħed uniformi tant li jidher daqslikieku li sar mill-istess persuna. L-artisti spjegaw li dan se jingħata b’donazzjoni lill-Istrina.

L-esebizzjoni hija miftuħa sas-7 ta’ Diċembru.